L-eks kap tal-FIAU jisħaq li qabel irriżenja kien hemm inċidenti li ma kienx komdu bihom

Manfred Galdes xehed quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li matulha ilmenta diversi drabi dwar in-nuqqas ta' riżorsi fl-FIAU

L-eks Kap tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, Manfred Galdes xehed quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Galdes xehed fuq diversi rapporti li għadda lill-Pulizija u tul ix-xhieda tiegħu saħaq li kien jistenna li dwar ċertu rapporti kienu se jittieħdu passi immedjati, fosthom iffriżar tal-assi, waqt li insista li sa sentejn wara baqa' ma sar xejn. Madanakollu saħaq li kien lest jixhed aktar dwar dan fil-magħluq.

Mistoqsi dwar ir-riżenja tiegħu mill-FIAU, Galdes saħaq li rriżenja għax kien qed jaħdem f'entità ineffettiva (ara aktar ''l isfel).

Fil-fatt, għal aktar minn darba, tul ix-xhieda tiegħu, Galdes tkellem dwar nuqqas ta' riżorsi fl-FIAU. Fi kliemu kien "suspettuż" kif id-dipartiment tiegħu spiċċa bla fondi fi żmien meta l-aktar kien hemm bżonn riżorsi. 

Fi kliemu stess, kien hemm diversi inċidenti, qabel ma rriżenja, li ġiegħluh iħossu skomdu imma li jippreferi jitkellem dwarhom fil-magħluq, tant li l-midja ntalbet tħalli l-awla.

Dwar il-Bank Pilatus, Galdes saħaq li l-FIAU sabet nuqqasijiet serji waqt li insista li l-uffiċjali ma kinux qed isibu koperazzjoni mill-bank meta kienu qed jitolbu informazzjoni dwar id-due diligence li jsir fuq il-klijenti. 

'L-FIAU għandha nuqqas ta' riżorsi'

Galdes tkellem dwar ir-riżenja tiegħu fl-2016. Insista li l-FIAU ma kellix fondi u kellha bżonn aktar riżorsi. Insista li dejjem kien qed isir aktar diffiċli biex iżżomm mal-istandards internazzjonali u fil-fatt, fi kliemu, dwar dan, kien ġibed l-attenzjoni tal-MFSA, Il-Bank Ċentrali u anke ta' Ministri.

Insista li fi żmienu, tnejn mill-ogħla pożizzjonijiet fl-FIAU kienu vakanti tant li ma setgħux ikomplu jassessjaw u is-servizzi finanzjarji u kumpaniji tal-gaming.

Vakant ukoll kien il-post tal-Kap tad-dipartiment tal-investigazzjonijiet. Insista li l-FIAU ma setatx issib persuna biex timla' dan l-irwol, probabbilment għax ma setgħetx tħallas biżżejjed. 

Insista li fi żmienu, l-FIAU kellha baġit ta' €1 miljun. Dan żdied għal €10 miljuni wara li telaq hu. 

Madanakollu, meta mistoqsi jekk kienx isib appoġġ mill-Ministru għall-Finanzi, Galdes wieġeb fil-pożittiv u insista li fi żmien r-riżorsi kienu żdiedu.

Silvio Valletta jieħu post Pierre Calleja fuq il-bord

Kompla jitkellem fuq kif meta l-FIAU kien ikollha suspett ta' ħasil ta' flus kienet tgħaddi r-rapporti tagħha lill-Pulizija, permezz ta' uffiċjal responsabbli, li fi żmienu kien l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.

Mistoqsi minn kien fuq il-bord tal-FIAU fi żmienu, Galdes wieġeb li l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja kien mibdul mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta (ir-raġel ta' Justyne Caruana li fl-aħħar jiem ħarġu rapporti dwar il-ħbiberija tiegħu ma' Yorgen Fenech).

Huwa qal li meta kienu jkunu qed jinvestigaw Persuni Esposti Politikament (PEPs) kien jinforma lill-bord dwar dak li kien qed jiġi investigat iżda mhux dwar il-kontenut tal-investigazzjoni.

Kompla jgħid li f'każijiet li dwarhom ikunu għaddejin investigazzjonijiet, il-bord tal-FIAU ma kienx ikun infurmat sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi fejn ikun hemm bżonn li dan iseħħ, bħal meta l-kwistjoni tkun irrapportata mill-midja. 

'Jgħaddi kollezzjoni ta' informazzjoni lill-Kummissarju Michael Cassar'

Anke jekk normalment kien jgħaddi r-rapporti permezz ta' Abdilla, Galdes semma kas partikolari meta kien għadda "kollezzjoni ta' informazzjoni,' lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.

Insista li f'dan il-każ, minħabba n-natura tal-każ u l-persuna involuti ħassew li ma kellhomx jimxu mal-prassi tas-soltu u għalhekk għaddew l-informazzjoni mill-ewwel lill-Pulizija għax fi kliemu, biex ikun konkluż rapport sħiħ, jgħaddi ż-żmien.

Madanakollu saħaq li rapport mhux konkluż xorta waħda jkollu informazzjoni li tista' twassal għal investigazzjoni mill-Pulizija.

'Ħassejt li kien hemm biżżejjed informazzjoni biex il-Pulizija tiftaħ il-fajl u tħares lejn il-kwistjoni," saħaq Galdes.

Għaliex irriżenja Galdes?

Il-bord tal-inkjesta staqsa lil Galdes għaliex kien irriżenja minn kap tal-FIAU.

Hawn Galdes jisħaq li jkun aktar komdu jwieġeb fil-magħluq għal din il-mistoqsija. 

Madanakollu, aktar tard, meta kien qed jitkellem dwar il-baġit tal-FIAU u r-riżorsi, Galdes saħaq li rriżenja għax kien qed jaħdem f'entità ineffettiva. Insista li jekk dan kienx apposta jew le, ma jistax jgħid.

Galdes muri rapporti dwar allegazzjonijiet fuq Keith Schembri u Adrian Hillman

L-Avukat Therese Comodini Cachia uriet lil Galdes numru ta' artiklu mill-midja b'partijiet minn dak li jidhru li huma rapporti leaked tal-FIAU.

Huwa saħaq li l-kliem fir-rapporti li spiċċaw għand il-midja huwa familjari u simili ħafna għar-rapporti li hu għadda lill-Pulizija jiem qabel irriżenja. 

Manfred Galdes
Manfred Galdes

L-artiklu li kien qed jara Galdes huwa dwar Willerby Trade - kumpanija fil-British Virgin Islands - u l-allegazzjonijiet li Keith Schembri rċieva tixħim mill-bejgħ tal-passaporti.

Ġie muri wkoll rapport dwar Adrian Hillman u ieħor dwar il-Bank Pilatus u ż-żjara tal-FIAU fuq il-post.

Pilatus ma jikkoperax

Id-diskussjoni kompliet fuq il-Bank Pilatus, b'Galdes jisħaq li qabel irriżenja kellu laqgħa maċ-Ċerpersin tal-Bank Ali Sadri Hasheminejad li kien qed jikkontesta l-konklużjonijiet tal-FIAU.

Insista li uffiċjali tal-FIAU kienet marru l-bank diversi drabi u kienu qed jitolbu informazzjoni dwar id-due diligence li jsir fuq il-klijenti, iżda ma kinux qed jirċievu din l-informazzjoni.

Saħaq li f'Pilatus kien hemm nuqqasijiet serji.

X'ġara l-ġimgħa li għaddiet u għaliex l-inkjesta?

Fis-smigħ tal-ġimgħa li għaddiet, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvillupaturi, Sandro Chetcuti kien mistoqsi fit-tul dwar il-laqgħat ma’ Yorgen Fenech, li hu ċaħad u anke dwar allegazzjoni oħra li kellu uffiċċju fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

L-għan ta’ din l-inkjesta pubblika huwa li tiddefinixxi jekk l-Istat setax evita l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn.

Apparti minn hekk, l-istess inkjesta għandha tiddikjara jekk l-Istat ikkawżax hu stess riskju għall-ħajjet il-ġurnalista.

Il-bord tal-inkjesta huwa marbut li jippreżenta r-rapport tal-inkjesta lill-Prim Ministru lill-Avukat Ġenerali u biex jippreżentah lill-pubbliku fi żmien ġimgħa minn meta jkun għaddih lill-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament fi żmien ħamest ijiem minn meta jirċevih. 

L-inkjesta pubblika għandha tkun lesta sa Settembru li ġej.

More in Politika