Filmat | Il-Prim Ministru jikkonferma li jista' jkun hemm negozjati ġodda dwar il-ftehim ma' Steward

Jikkonferma wkoll li Joseph Muscat għen biex issir il-laqgħa iżda insista li ma kienx qiegħed jirrappreżenta lil Steward

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li ltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Steward Healthcare fil-jiem li għaddew u ma eskludix il-possibbilità li jkun innegozjat mill-ġdid il-kuntratt li oriġinarjament ingħata lill-Vitals Global Healthcare.

Mistoqsi mill-ġurnalisti ta’ MaltaToday huwa u dieħel Kastilja, Abela saħaq li l-laqgħa li kellu, organizzata minn Joseph Muscat, kienet sempliċiment laqgħa kordjali bejniethom biex isiru jafu lil xulxin, iżda baqa’ ma ċaħadx li l-ftehim jista’ jkun innegozjat mill-ġdid.

“Joseph Muscat, flimkien ma’ Chris Fearne introduċewni magħhom,” insista il-Prim Ministru. “Jekk se jkun hemm negozjati ... jistgħu jkunu diversi l-bidliet. Jistgħu jkunu dwar jekk il-ftehim hux se jibqa’ hemmhekk, dwar jekk il-ftehim hux qed jitħassar mill-Gvern jew min-naħa ta’ Steward u jekk hux se jinbidlu l-kundizzjonijiet.”

Kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li żvelat kif Muscat attenda, flimkien mal-kbir ta’ Steward Healthcare Armin Ernst, għal laqgħa mal-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni f’Kastilja.

Hu mifhum li Muscat esprima x-xewqa tiegħu li dan il-proġett ta’ privatizzazzjoni, li jammonta għal €250 miljun, jibqa’ għaddej kif imwiegħed.

Mistoqsi jekk jaħsibx li Steward hux qed jieħdu biżżejjed flus mingħand l-istat, Abela insista li l-laqgħa kienet waħda preliminari u li għadu qed jieħu “stocktake tas-sitwazzjoni.”

Insista li kwalunkwe deċiżjoni se tittieħed fl-aħjar interess tal-pajjiż, kemm mill-aspett finanzjarju u anke fl-aħjar interess tas-sistema tas-saħħa.

Kien għalkemm li insista li huwa miftuħ għal kull sitwazzjoni u li għalissa mhu qed jeskludi l-ebda xenarju. 

Kompla jisħaq li l-eks Prim Ministru Muscat ma kienx qiegħed jirrappreżenta lil Steward.

“Mhux veru li Joseph Muscat kien qed jirrappreżenta lil Steward għax kieku ma kontx naċċetta li nkun preżenti għal din il-laqgħa ... Ma nħossx li xi ħadd li kien Prim Ministru u issa backbencher għandu jkun preżenti għal-laqgħa bħal din. Fil-fatt, ma kienx,” insista Abela waqt li tenna li xogħlu kien biss li jintroduċuh.

Skont il-ftehim oriġinali ffirmat mal-VGH fl-2015, kellu jsir investiment ta’ €250 miljun fl-ewwel ħames snin tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-VGH falliet mill-miri tagħha u biegħet il-konċessjoni lil Steward.

Mistoqsi jekk iħossux komdu jaħdem ma’ xi ħadd viċin l-eks chief of staff Keith Schembri, anke wara li Abela waqqaf ħafna mill-uffiċjali f’Kastilja li kienu viċin tiegħu, Abela kkonferma l-fiduċja tiegħu f’Joseph Muscat.

More in Politika