'Abela se juża dan it-tibdil biex jgħatti l-isforz tiegħu li jżomm f'idejh il-Pulizija' - Repubblika

Repubblika tikkritika l-mekkaniżmu ġdid li ħabbar il-PM għall-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija

L-organizzazzjoni Repubblika ħarġet stqarrija biex tikkritika l-mekkaniżmu ġdid li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u saħqet li dan il-metodu ġdid jinjora għall-kollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għax il-Prim Ministru se jibqa’ jkollu rwol ċentrali fl-għażla tal-Kummissarju.

“Nitħassbu li Robert Abela se juża dan it-tibdil li m’għandu effett ta’ xejn biex jgħatti l-isforz tiegħu li jżomm f’idejh pulizija li tkun pupazz politiku u li tħalli lill-politiċi-kriminali jibqgħu jagħmlu li jridu,” saħqet Repubblika. 

Repubblika qed tisħaq li ma hemm xejn fit-tibdil li ħabbar Abela li jnaqqas, jikkwalifika jew b’xi mod jaqsam ma’ istituzzjonijiet oħrajn il-poter tal-prim ministru.

“It-tibdil propost hu biss ċerimonjali,” saħqet Repubblika.

Waqt li faħħret il-miżura biex issir sejħa pubblika, insistiet li din tkun utli biss jekk l-għażla ssir minn persuni indipendenti mill-prim ministru.

“Minflok, dawn l-applikazzjonijiet se jmorru għand il-kummissjoni tas-servizz pubbliku, istituzzjoni antikwata fil-kostituzzjoni tagħna li mill-ġdid tippreserva l-poter bla rażan tal-prim ministru. Kuntrarju għal dak rappurtat f’xi partijiet tal-istampa, il-kummissjoni tas-servizz pubbliku tinħatar mill-president, fuq parir tal-prim ministru b’konsultazzjoni mal-kap tal-oppożizzjoni,” tkompli l-istqarrija. “Effettivament dan ifisser li l-prim ministru jista’ jaħtar lil min irid fil-kummissjoni anke jekk ħadd minnhom ma jkun jogħġob lill-kap tal-oppożizzjoni.”

Fakkru wkoll li fl-aħħar mill-aħħar se jkun Abela stess li jagħżel il-kummissarju wara li jkun ippreżentat b’lista ta’ żewġ persuni. 

“Dawn iċ-ċerimonji li taparsi joħolqu indipendenza fl-għażla t’uffiċjali tal-istat iżda li fil-verità jħallu f’idejn il-prim ministru poteri monarkiċi u assoluti, intużaw diġà fit-taparsi riformi li għamel il-gvern fl-għażla tal-imħallfin liema proċessi diġà ġew dikjarati mill-Qorti tal-Appell Maltija li ma jneħħu xejn mill-poter mingħajr limitu tal-Prim Ministru,” saħqet Repubblika. 

Fakkru li l-Prim Ministru kien impenja ruħu u wiegħed li se jagħżel kummissarju tal-pulizija kompetenti u li lest biex jagħmel xogħolu. 

Insistew li mhux biżżejjed jinbidel il-Prim Ministru. “Ridna li jitrażżnu l-poteri li Joseph Muscat sfrutta biex ipermetta li jkun hemm din l-impunità,” tkompli Repubblika.

Insistew ukoll li l-gvern injora l-appelli tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Venezja stess biex qabel jimplimenta riformi bħal dawn jikkonsulta l-ewwel mal-Kummissjoni Venezja nfisha. 

More in Politika