Filmat | Justyne Caruana tirriżenja wara filmat ta' żewġha fir-rolls royce ta' Yorgen Fenech

Ilbieraħ ġie żvelat li Valletta kien siefer ukoll ma' Yorgen Fenech fi żmien meta dan kien diġà suspettat

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kellha tirriżenja ftit jiem biss wara li ħadet mill-ġdid il-ġurament bħala Ministru għal Għawdex u dan wara li r-raġel tagħha, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien siefer ma' Yorgen Fenech, il-persuna akkużata bħala l-mandat tal-assassinju ta' Daphne Cauana Galizia.

Dan kien żvelat ilbieraħ minn The Sunday Times of Malta, bir-rapport jisħaq li Valletta kien mar ma' Fenech jaraw logħba taċ-Chelsea f'Settembru tal-2018, jiġifieri fi żmien meta l-Pulizija kienu tefgħu ħarsithom fuq Fenech.

Jidher li l-Pulizija għandha f'idha wkoll filmat mill-mowbajl ta' Valletta li fih l-eks Assistent Kummissarju jidher ma' Fenech fir-rolls royce tiegħu. 

Caruana rriżenjat ilbieraħ filgħaxija, jiġifieri inqas minn ġimgħa minn meta l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela reġa’ għażilha bħala Ministru għal Għawdex.

Min-naħa tiegħu, ir-raġel tagħha, filwaqt li kkonferma li siefer ma’ Fenech insista li hu ma kellux idea li Yorgen Fenech seta’ kien suspettat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Madanakollu, Fenech kien ukoll membru tal-bord tal-FIAU, l-istess entità li kienet qed tinvestiga r-rabtiet bejn il-kumpanija 17 Black, li tagħha Fenech huwa s-sid u l-kumpanija fil-Panama li kien fetaħ Keith Schembri.

Dwar il-filmat, Valletta qal li dan inġibed wara li telaq mill-Korp tal-Pulizija.

Fi stqarrija lill-Pulizija, l-eks Assistent Kummissarju insista li hu kien ħallas għat-titjira waqt li fakkar li kien waqaf imexxi l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ġunju tal-2018.

Valletta insista li hu ma kellux idea li Fenech seta’ kien suspettat u dan minkejja li kien ġie żvelat li Fenech kien ilu minn Mejju tal-2018 identifikat mis-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà.

Silvio Valletta kien qed imexxi l-investigazzjoni sakemm tneħħa fuq ordni tal-Qorti wara talba tal-familja Caruana Galizia. 

Valletta kien issospenda lilu nnifsu mill-investigazzjoni f’Ġunju tal-2018 wara li l-Qorti kienet saħqet li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li hu miżżewweġ lill-Ministru Caruana.

Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet ikkontestata mill-Avukat Ġenerali iżda f’Ottubru tal-2018 din kienet ikkonfermata mill-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Prim Ministru jaċċetta r-riżenja ta' Caruana

Fi stqarrija aktar tard illum, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li rċieva l-ittra ta’ riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex, liema riżenja ġiet aċċettata.

Fl-ittra li Dr Justyne Caruana bagħtet lil Prim Ministru, hi saħqet li: “fid-dawl tal-istorja li ħarġet illum, għalkemm jien totalment estranja għaliha u għalkemm m’għandi l-ebda konnessjoni mal-fatti, qed nissottometti r-riżenja tiegħi minn Ministru b’mod immedjat.”

Skont l-istqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Caruana qalet li ħadet din id-deċiżjoni biex tkun tista' tiddefendi isimha, partikolarment minħabba uliedha.

Aqra wkoll:

More in Politika