Ministri deħlin u ħerġin minn Kastilja hekk kif Robert Abela qed jifforma l-Kabinett tiegħu

Il-PM Robert Abela għaddej b'serje ta' laqgħat ma' Deputati hekk kif qed jifforma l-Kabinett tiegħu

Ħaddiem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru iħares waqt laqgħat li għaddejjin f'Kastilja
Ħaddiem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru iħares waqt laqgħat li għaddejjin f'Kastilja

Kollox qed jindika li Chris Fearne se jżomm postu fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela. Sorsi mill-Gvern qed jikkonfermaw illi minkejja diċeriji Fearne se jżomm il-Ministeru tas-Saħħa u probabbilment jibqa' wkoll Deputat Prim Ministru.

Intant matul il-jum deheru diversi Deputati deħlin f'Kastilja, fost dawn Owen Bonnici, Silvio Schembri, Clifton Grima, Justyne Caruana, Michael Falzon u Chris Cardona. 

Ħadd minnhom ma indika xejn fir-rigward ta' portafoll u responsabilitajiet, għalkemm huwa mistenni li jseħħu xi tibdiliet minn kif kien il-Kabinett ta' Muscat.

Aktar kmieni: Dieħel dalgħodu fil-fatt deher Chris Fearne, it-tieni kontestant għall-kariga ta' Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista kif ukoll Deputat Prim Ministru.

Mistoqsi x'se jagħmel, anke fid-dawl tal-ordni li ta lbieraħ biex l-affarijiet tiegħu jkunu żbarazzati mill-Ministeru, Fearne fakkar illi l-prerogattiva hija tal-Prim Ministru għalkemm qal li hu se jiddiskuti x-xewqat tiegħu ma' Abela. 

Hu u nieżel minn Kastilja Fearne qal li hu jirrispetta d-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-Partit Laburista u reġa sostna li d-deċiżjoni tal-formazzjoni ta' Kabinett hija f'idejn il-Prim Ministru. 

Jidher illi Fearne reġa rritorna Kastilja għal madwar ħames minuti u ħareġ ftit wara.  Abela jeħtieġ, bħala minimu, jimla' l-kariga ta' Ministru tat-Turiżmu li kien vakat wara r-riżenja ta' Konrad Mizzi. 

More in Politika