'Nagħmlu riformi fil-Korp tal-Pulizija, mhux naqtgħu l-irjus ... Il-Kummissarju għamel biċċa xogħol tajba'

Robert Abela jerġa jinsisti li hu baqa' leali lejn Joseph Muscat sal-aħħar u li ma kienx parteċipi f'manuvri

Robert Abela fil-programm Xtra
Robert Abela fil-programm Xtra

Meta kien qed jitkellem lbieraħ waqt il-programm Xtra l-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista sostna illi l-Kummissarju tal-Pulizija għamel xogħol tajjeb u indika li mhux jkun hemm xi bidliet imminenti u fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Ifakkar li hu kien l-avukat tal-Korp tal-Pulizija. “Għandi entużjażmu għall-Korp tal-Pulizija. Nagħmlu riformi mela imma mhux naqtgħu rjus in-nies."

“Il-Kummissarju preżenti għamel biċċa xogħol tajba. Riforma ssir imma tieħu żmien  tagħha u ssir fiż-żmien opportun.”

“Mort fit-toroq, iltqajna man-nies. Għalija kienet kampanja li bdiet biss malli Muscat ħabbar illi se jipparteċipa fit-tiġrija. Jiena ma pparteċipjat fl-ebda manuvra kontrih,” insista Abela, donnu f’implikazzjoni li ħaddieħor hekk għamel.

Hu reġa sostna li jrid bidla fix-xandir nazzjonali u qal illi din kellha ssir ħafna qabel.

Mistoqsi mill-preżentatur Saviour Balzan x’ibiddel fil-PBS, huwa għamel referenza, għalkemm ma semmihx b’ismu, għal programm li ilu għaddej 20 sena waqt l-aktar ħinijiet segwiti. Sostna li hemm bżonn ukoll bidla fil-mod kif taħdem il-kamra tal-aħbarijiet.

“Nieħu pjaċir li tattakkawni,” qal Abela għall-mistoqsijiet tal-Editur Maniġerjali tal-kumpanija Mediatoday dwar il-PBS. “Trid issir riforma biex ix-xandir isir aktar newtrali, effettiv u indipendenti. Jiena nemmen f’xandir verament indipendenti,” qal Robert.

Minkejja li l-PBS huwa suġġett li Abela qed isemmi ħafna drabi għadu ma ndikax b’mod iktar ċar kif se sseħħ din ir-riforma, min se jagħmilha u min se jidħol u jitneħħa.

“Mhux se nibza’ nagħmel ir-riformi li hemm bżonn. In-nies li baqgħu jiġbdu l-ispag ma ħallewx li ssir riforma fil-PBS,” sostna Abela.

‘Forsi jidħol Lou Bondi minflok dan il-programm,’ irrimarka Balzan, b’Abela jwieġeb illi li hu żgur huwa li “Lou Bondi u Anton Attard ma jaħdmux fil-kamp tiegħi.”

Huwa qal illi t-tisħiħ tal-governanza ser issir bl-implimentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni ta’ Venezja, għalkemm qal li dan m’għandux ikun implimentat kollu kemm hu, kif inhu. Abela qal li jekk ikun Prim Ministru hu, żgur li jara li dawn il-proposti jkunu implimentati skont ir-realtajiet ta’ pajjiiżna.

Abela qal li hu żgur li jimplimenta l-proposta illi permezz tagħha l-Prim Ministru ma jibqax jikkontrolla l-ħatriet fil-ġudikatura. Huwa qal li għandu jinħoloq kumitat li jiskrutinizza l-ħatriet ġudizzjarji.

Dwar il-kampanja elettorali għal Mexxej Laburista ġdid Abela qal li hu ma jridx kampanja li l-partit ma jfieq qatt minnha.  “Aħna rridu l-għaqda u jiena ltqajt mal-Grupp Parlamentari u d-Deputati qaluli li se jaħdmu miegħi. Jiena għandi livell ta’ kordjalità mal-membri kollha tal-kabinett,” saħaq Abela konxju tal-fatt illi l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari qed jagħti appoġġ lill-kampanja ta' Fearne.

Mistoqsi dwar l-iskema IIP, jew il-bejgħ taċ-ċittadinanza,huwa qal li fuq din l-iskema sar ħafna remettar, “għax il-Partit Nazzjonalista, minn naħa kissruh u minn naħa l-oħra ħadmu fih. Jiena se nagħmel minn kollox biex insalva l-iskema IIP,” saħaq Abela.

“Jiena se jkolli tolleranza żero għall-kunflitti ta’ interess u mhux se nittolera żbalji li jistgħu jdaħħluna fi problemi.”

Ara hawnhekk x'qal Chris Fearne fl-istess programm

More in Politika