'Jiena għandi l-appoġġ tal-kabinett, jiena kont il-ko-pilota ma’ Muscat' - Fearne

Chris Fearne jsostni li hu ma wiegħed xejn lil ħadd ...

Chris Fearne waqt il-programm Xtra
Chris Fearne waqt il-programm Xtra

Meta kien qed jiġi intervistat ilbieraħ waqt il-programm Xtra, il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista Chris Fearne sostna li hu ma wiegħed xejn lil ħadd waqt din il-kampanja.

Dan minkejja rapporti fuq il-gazzetta ILLUM li fil-fatt Fearne diġa ltaqa’ u indika lil diversi Deputati backbenchers li se jkunu qed jidħlu fil-kabinett billi jingħataw kariga. Fost dawn hemm Anton Refalo u anke Clifton Grima.

“Irridu nkunu magħqudin. Jiena għandi l-appoġġ tal-kabinett, jiena kont il-ko-pilota ma’ Joseph Muscat, naf insuq il-magna u naf ma’ kif u ma’ min irid naħdem,” sostna Chris Fearne.

Fuq il-programm Fearne sostna li minkejja l-entużjażmu ta’ Laburisti ġenwini, hemm ħafna li huma mweġġa b’dak li ġara fl-aħħar ġimgħat.

Bħal Bondi qabel, li tkellem mal-illum.com.mt, Fearne ċaħad li Lou Bondi qed jaħdem għall-kampanja tiegħu.

“Mhux vera li Lou Bondi jew Anton Attard qed jikkamanjaw miegħi. Lil Bondi ilni nafu żmien,” ammetta Fearne għalkemm reġa sostna li dan mhuwiex parti mill-kampanja tiegħu.

“Qalu li kien hemm tbagħbis. Mhux vera. Dawn l-istejjer qed isiru minn nies li jippruvaw jiżirgħu dawn l-istejjer minn barra,”sostna Fearne fir-rigward ta' aħbar fuq Net TV.

Huwa ċċara li hu ma wiegħed xejn lil ħadd u fakkar li Malta bħalissa għandha l-aqwa Kabinett li qatt kellha, b’tim ta’ nies li għamel il-ġid lil pajjiżna.”

Mistoqsi dwar l-istituzzjonijiet huwa qal li l-indipendenza ta’ dawn trid tkun garanitita u għall-mistoqsija tal-preżentatur Saviour Balzan, x’jagħmel jekk xi ħadd mit-tim tiegħu jkollu allegazzjonijiet kontrih hu qal li jaġixxi mill-ewwel kif taġixxi mill-ewwel il-pulizija.

“Jiena qiegħed hawn biex inservi u ma jiena se nħalli lil ħadd, iħammiġli ismu u isem il-partit.”

Dwar l-iżviluppaturi Fearne saħaq illi hu mhux dawn idejquh imma l-cowboys. “Jiena se jkolli tolleranza żero għal dawn l-affarijirt.”

(Iktar tard illum fuq dan is-sit tistgħu taraw x'qal Robert Abela fuq l-istess programm)

More in Politika