L-MHRA titlob li tintrefa' r-responsabilità mill-Enemalta fuq il-qtugħ tad-dawl

Tgħid li dan il-qtugħ frekwenti qed iwassal għal telf finanzjarju kbir għal-lukandi u ristoranti

Tony Zahra, President tal-MHRA
Tony Zahra, President tal-MHRA

Il-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) sostniet illi l-qtugħ fid-dawl u black outs li qed iseħħu, huma kompletament inaċettabbi. 

Il-President tal-MHRA Tony Zahra ħareġ din l-istqarrija hekk kif illum il-pajjiż esperjenza it-tieni qtugħ ta' dawl f'inqas minn 24 siegħa u wara sensiela ta' qtugħ ta' dawl dan ix-xahar. 

"L-MHRA konsistentement argumentat illi pajjiż li jkollu interruzzjonijiet fl-elettriku jkun żvantaġġjat minn infrastruttura bażika u elemantari. Żgur li ma tipproġettax immaġini tajba ta' Malta," sostniet l-istess għaqda. 

Fid-dawl ta' dan, l-MHRA saħqet li l-Enemalta għandha ġġorr ir-responsabiltà ta' dan il-qtugħ tad-dawl, speċjalment fid-dawl tal-investiment li sar fl-aħħar 10 snin biex ikun assigurat li l-pajjiż huwa mgħammar bl-infrastruttura meħtieġa." 

L-MHRA qalet illi tifhem li huwa raġonevoli li jseħħu żbalji jew qtugħ okkażjonali, tal-elettriku "imma ma nistgħux nifhmu il-qtugħ madwar il-pajjiż kollu li ġara bosta drabi matul dawn il-ġimgħat."

L-MHRA qalet illi dan il-qtugħ frekwenti, speċjalment f'dan iż-żmien tal-festi, qed jikkawża telf finanzjaju kbir fost il-lukandiera u r-restoranti. 

Il-President tal-MHRA Zahra temm l-istqarrija jgħid illi l-MCESD għandu jitlaqqa' biex il-Korpi Kostitwiti jingħataw spjegazzjoni mid-Diretturi tal-Enemalta. 

 

More in Politika