Ħarsa 2019 | Minn Efimova u l-Bank Pilatus sa John Dalli: ix-xhieda fl-inkjesta Egrant

Ħarsa ħafifa lejn ftit mill-aktar xhieda kruċjali fir-rapport tal-inkjesta Egrant ippubblikat din is-sena mill-Kap tal-Oppożizzjoni

Is-safe ta’ Pilatus hemm kien, imma Michelle Muscat mhux fih

  • Konferma li fil-Bank Pilatus kien hemm safe
  • Minkejja dan, isem Michelle Muscat ma kienx fih
  • Skont l-inkjesta fis-safe kien hemm dokumenti iżda dan ma kienx fil-kċina kif kitbet Caruana Galizia u lanqas ma kellu fih dokumenti relatati ma’ Egrant
  • Ir-rapport jispjega kif dan is-safe jistgħu jaċċessawh biss ftit persuni
  • Ir-rapport ikompli li fid-dokumenti 'Know Your Clients' (KYC) kien hemm dokument magħmul minn Denica Cebova, impjegata l-Pilatus, nhar is-27 ta' Jannar 2016 u jismu 'List of clients which KYCs are in the safe'.
  • F’din il-lista kien hemm imsemmi Keith Schembri u Sahfra FZCO, il-kumpanija msemmija minn Daphne Carauana Galizia bħala l-kumpanija li bagħtet $1 miljun f'Egrant. 
  • Egrant ma kellha l-ebda kont f’Pilatus

L-Iljun, is-simbolu ta' Pilatus
L-Iljun, is-simbolu ta' Pilatus

Mix-xhieda ta’ Konrad Mizzi

  • Konrad Mizzi dak iż-żmien Ministru, ikun mistoqsi mill-Avukat Inkwerenti dwar it-trust Rotorue fi New Zealand u l-kumpanija Hearnville fil-Panama marbuta miegħu.
  • Jisħaq li l-Prim Ministru “kien jaf li hemm trust u an underlying company.”
  • Jgħid lill-Maġistrat li kien spjega r-raġunijiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat qabel ma din ħarġet fil-midja
  • Jinsisti li ma kien hemm l-ebda negozju jew tranżazzjonijiet mill-familja Aliyev tal-Ażerbajġan
  • Jinsisti li la Hearnville u lanqas Rotorua qatt ma kellhom kont bankarju
  • Jisħaq li ma għamel xejn illegali iżda jemmen li ma jmissu qatt fetaħha
  • Mela għaliex fetaħha? Jgħid li l-mara tiegħu “tgħix in-naħa l-oħra tad-dinja,” kienu jgħixu Londra, il-karriera tiegħu hija internazzjonali u peress li seta’ jagħmel affarijiet oħra wara l-politika, il-familja tiegħu kellha bżonn struttura li tirrifletti l-ħtiġijiet tagħha
  • Xħin rajt is-sentiment pubbliku fuqha, jiena għidt kont qed inwettaq, kont qed naħdem lejl u nhar biex nagħmel differenza f’dan il-pajjiż u ma ridtx nitlaq, ma ridt inħalli xejn li jista’ jimmina l-kredibbilità futura tagħna, la tiegħi u lanqas tal-Gvern u għaldaqstant tlabt kumpanija indipendenti biex tagħmel audit u fl-aħħar iddeċidejt li nillikwida l-kumpanija.”

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi

Mix-xhieda ta’ John Dalli

  • John Dalli, eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista, anke quddiem il-Maġistrat irrefera għal Daphne bħala “terrorista”
  • ‘F'Mejju, tal-2016 l-istess terrorista għax jiena hekk insejħilha lil din tajjeb? Kienet qalet li din il-kumpanija Egrant kienet tiegħi tajjeb?’
  • Ikompli jikkwota lil Caruana Galizia meta qalet li Egrant kienet tiegħu għax kellha “gut feeling”
  • "Din tigdeb fuq kulħadd, li jfettilha tiktbu din, tajjeb?"
  • John Dalli kien saħansitra rrapporta lil Daphne għal fastidju għax fi kliemu “xebbgħatni dawn is-snin kollha tigdeb kontrija kontinwament u tivvinta kull ħaġa u f'sitt xhur għadhom ma ttieħdu l-ebda passi kontriha din." 
  • Saħansitra allega li hemm xi ħadd fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali lil Daphne qiegħed jipproteġiha.
  • Ikompli jattakka lil Caruana Galizia u jisħaq li kienet konfoffa ma’ Giovanni Kessler li kien Direttur tal-OLAF u li akkuża lil Dalli li meta kien Kummissarju Ewropew ipprova jwaqqaf il-projbizzjoni tal-isnus darbtejn.
  • Dalli ammetta li darba kellu ikla mad-diriġenti tal-Bank Pilatus. Jisħaq li dik kienet l-unika darba li ltaqa’ magħhom barra mill-bank.

John Dalli, eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru
John Dalli, eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru

Cini jirranġa laqgħa bejn John Dalli, Hasheminejad u Brian Tonna

  • John Dalli kien fetaħ kont fil-Bank Pilatus nhar il-25 ta' Jannar 2014
  • Aktar tard John Dalli ltaqa' ma' Ali Sadr Hasheminejad, sid il-Bank Pilatus u Brian Tonna minn Nexia BT. 
  • Ir-rapport jinnota kif m'hemm l-ebda raġuni ċara għal din il-laqgħa, ladarba l-kontijiet ta' Dalli kienu nfetħu diġà. 
  • Il-kontijiet ta’ Dalli ftit li xejn intużaw u t-tranżazzjonijiet kienu żgħar u għalhekk mhumiex suspettużi

Brian Tonna
Brian Tonna

Mix-xhieda ta’ Keith Schembri

  • Jitkellem dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Brian Tonna ta’ Nexia BT. Jgħid li kienu ilhom 22 sena ħbieb, tant li din ir-relazzjoni jinnotaha wkoll il-Maġistrat fir-rapport.
  • Keith Schembri jinsisti mal-Maġistrat li hu qatt ma tkellem ma’ Brian Tonna dwar xi strutturi simili għal dik li fetaħ hu u li fihom kienu interessati terzi persuni.
  • “Żgur li le,” jgħid Keith Schembri meta mistoqsi tkellimx ma’ Brian Tonna f’isem Konrad Mizzi
  • “She has crossed the limit,” jgħid Schembri lill-Maġistrat dwar Daphne.
  • “Jiena living proof tal-gideb kollu tagħha,” ikompli Schembri waqt li insista li “l-persuna ħolqitli ħafna inkwiet fil-ħajja personali tiegħi.”
  • “Ivvintat kundizzjoni, ġennet lill-familja tiegħi, kont tlajt l-Amerka għall-kura, tat id-data ta’ meta ħa mmut mingħajr ma ... I am living proof tal-gideb kollu tagħha.”
  • “Qiegħed fi klinika fl-Amerika, sejjer għal Pad Scan, nistenna nofs siegħa u nara kumment make cancer bring him down. Ma għandi l-ebda rispett. Ma nafx nobgħod però ma għandi l-ebda rispett għal nies hekk.”
  • “It can’t go on like this,” ikompli jgħid Schembri lill-Maġistrat waqt li insista li ma kienx ikun jaf x’se jwieġeb lit-tifla meta kienet tmur mill-iskola u tgħidlu “Daddy l-iskola qed jgħidu li ħa tmut.”

Keith Schembri
Keith Schembri

Aġenzija Ċiniża kellha tingħata monopolju f’Malta ‘bl-għajnuna ta’ Sai’

  • Ir-rapport isemmi kif Keith Schembri, Konrad Mizzi u Brian Tonna attendew laqgħa li saret f’Ġunju tal-2014 ma’ negozjant Ċiniż Cheng Chen
  • Cheng Chen huwa klijent ta' Nexia tant li bl-għajnuna tagħha sar sid tal-kumpanija Torbridge fil-BVI,
  • Din hija waħda mill-kumpaniji li waqqfet Nexia u li Karl Cini naqas milli jsemmi fix-xhieda tiegħu mal-Maġistrat Aaron Bugeja. 
  • Dil-kumpanija kellha wkoll kont fil-bank Pilatus.
  • Tissemma Private Public Partnership biex titwaqqaf MACHIN Project, li kellha tkun entità għall-promozzjoni ta' investiment bejn iċ-Ċina u Malta.
  • Din l-entità kellha tkun irreġistrata Malta u 100% kkontrollata minn kumpanija fil-British Virgin Islands.
  • "Din l-entità kellha tkun awtorizzata mill-Gvern Malti bħala l-uniku aġenzija rappreżentattiva Maltija għall-promozzjoni tal-investiment fiċ-Ċina," jgħid ir-rapport. 
  • "Jissemma wkoll li l-mekkaniżmu koperattiv kellu jitwaqqaf bl-għajnuna ta' ċertu persuna jisimha Sai. Din tista' tkun Sai Mizzi Lang, il-mara ta' Konrad Mizzi," ikompli r-rapport
  • Immedjatament wara li ħareġ ir-rapport, Konrad Mizzi bagħat stqarrija u wieġeb hekk: “Din il-proposta li tissemma fir-rapport tal-Inkjesta Egrant Inc ma kinitx ġiet żviluppata, ma sarx xogħol fuqha, u għalhekk ma ntlaqgħetx. Sai Mizzi, li dak iż-żmien kienet rappreżentanta tal-Malta Enterprise fiċ-Ċina, qatt ma ġiet avviċinata biex taħdem fuq din il-proposta.”

Sai Mizzi
Sai Mizzi

Il-Maġistrat jisħaq li Karl Cini għandu jiġi investigat

  • Il-Maġistrat ċar u tond jgħid li Karl Cini ta’ Nexia BT għandu jkun investigat
  • Fix-xhieda tiegħu, Karl Cini qal li huwa waqqaf biss tliet kumpaniji fil-Panama. Iżda l-Maġistrat jikkwota l-Forensic Accountants Harbinson Forensics li sabu li huwa kien fil-fatt waqqaf ukoll il-kumpanija Real Trade Investments Global Corp fil-Panama (u mhux fil-BVI kif hu semma fix-xhieda tiegħu).
  • Karl Cini jtenni li kien waqqaf erba' kumpaniji fil-British Virgin Islands ċioe Comerco, Durellie, Real Trade Investments u Willerby. Madanakollu r-rapport jisħaq li Cini naqas milli jsemmi lill-kumpaniji Colson, Selson, Lester, SPX, Blue Sea, Torbridge u Berdil.
  • Għalhekk il-Maġistrat jikkonkludi li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinvestiga dawn id-diskrepanzi fix-xhieda ta' Karl Cini "stante li kif irriżulta mill-provi dokumentarji aktar 'il fuq imsemmija juru li jista' jkun hemm prima face ġurament falz min-naħa tiegħu."

Karl Cini
Karl Cini

Ix-xhieda ta’ Maria Efimova u l-kundanna tal-Maġistrat

  • Il-Maġistrat kien ċar u tond. Efimova għandha tiffaċċja l-ġustizzja u proċeduri kriminali kontriha fuq reati ta’ kalunja u ġurament falz
  • Efimova xehdet erba’ darbiet u x-xhieda tagħha tkun xi ftit jew wisq kunflinġenti
  • Fil-bank, hi tgħid li kienet tassisti lil Emilia Vacaru, Customer Care Officer, li mbagħad irreżenjat minn xogħolha
  • Efimova tgħid li hi rriżenjat mill-Bank Pilatus għax il-Kap Eżekuttiv Hamidreza Ghanbari kien taha xi xogħol li ma xtaqitx tagħmel
  • Xehdet li fil-15 ta' Marzu 2016, kien hemm il-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU) fil-Bank u Ghanbari sejjaħ lil Efimova u qalilha, "hemm xi files ta' xi klijenti li ma kinux mimlija kif suppost." Spjegalha li ladarba Vacaru kienet telqet issa hi kienet responsabbli minn dawn il-files
  • Urewha files ta' PEPs, jiġifieri persuni esposti politikament
  • Skontha dawn il-files kienu ta’ Al Sahra FZCO, proprjetà ta' Leyla Aliyeva li tiġi t-tifla tad-dittatur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev. Din il-kumpanija kienet miftuħa fid-Dubaj
  • Daphne Caruana Galizia kienet allegat li $1.017 miljun kienu għaddew minn din il-kumpanija għall-kont ta' Egrant fil-Bank Pilatus
  • Tgħid li darba semgħet lil Ali Sadr u Brian Tonna jiġġieldu fuq Egrant u Sahra. Minkejja dan, ix-xhieda ta' Efimova fuq dan l-allegat argument inbidel, kull darba li xehdet.
  • L-ewwel qalet li l-ġlieda kienet bejn Ali Sadr u Tonna, imbagħad fit-tieni darba li xehdet qalet li kienet bejn Vacaru u Mehmet Tasli, biex reġgħet biddlet il-verżjoni u qalet li kienet bejn Ali Sadr u Mehmet Tasli.
  • Skontha Ghanbari kien jistaqsiha dwar kumpanija Shams Al Sahra u spiss kienu jċemplulha biex jaraw infetħux il-kontijiet għall-kumpanija
  • Kuntrarjament għal dak li qalet Efimova iżda, Al Sahra ma kinitx biss ta' Leyla imma wkoll ta' oħtha Arzu Aliyeva
  • Efimova tgħid ukoll illi Brian Tonna kien ikun ħafna l-bank u saħansitra tgħid li kien qisu tiegħu
  • Issemmi safe jew cabinet fih kienu jitpoġġew l-aktar files importanti. Efimova ma kellhiex ċavetta għax din kienet għand Claude-Ann Sant Fournier, impjegata tal-Pilatus.
  • Darba meta kien hemm l-FIAU l-bank Sant Fournier bagħtitha għas-safe. "Ara s-safe miftuħ, mur ġibli file malajr."
  • Saħqet li għelbitha l-kurżità, fetħet file ieħor u kien mimli dikjarazzjonijiet tal-assi. U rajt l-ewwel waħda li kienet ta' Egrant
  • Il-Qorti staqsiet lil Efimova: "Kif għamilt il-konnessjoni ma' mart il-Prim Ministru, meta dak iż-żmien ħadd ma kien qed jissuspetta li Egrant allegtament hija tagħha? Wieġbet;  "Rajt il-kunjom. Ovvjament sa dak iż-żmien kont naf il-kunjom tal-Prim Ministru u naf li hawn ħafna b'dak il-kunjom f'Malta ... ikkonkludejt li b'xi mod huwa marbut miegħu (Joseph Muscat) ... jiġifieri l-kunjom ġidibli l-attenzjoni."
  • Efimova bagħtet messaġġ bl-istorja tagħha mal-Pilatus lill-midja u hawnhekk wasal il-messaġġ u l-komunikazzjoni ma' Daphne Caruana Galizia. Hi ltqagħet ma' Daphne bejn tlieta u erba' darbiet u l-ewwel laqgħa kienet fid-dar tagħha.
  • Ikomplu l-inkonsistenzi
  • Efimova tgħid apparti l-isem tal-kumpanija u isem Muscat, rat il-firma ta' Jaqueline Alexander minn Mossack Fonseca
  • Alexander hija rappreżentanta ta' din il-kumpanija imma quddiem l-Imħallef ċaħdet illi hi qatt iffirmat dan id-dokument, anzi qatt ma ratu. Kien dan wassal biex intqal, inkluż mill-Prim Ministru, li allura dan id-dokument huwa 'falz'
  • Efimova iżda tinsisti u tgħid illi Alexander hija l-persuna li ffirmat għal dversi kumpaniji simili
  • Efimova kellha intervista ppubblikata fuq il-Malta Independent nhar it-30 ta' April 2017. Lill-Maġistrat Efimova kienet qaltlu li dak li rrapportat il-gazzetta ma kienx vera
  • Hi ma kinitx għamlet scan tad-dokumenti, ma kinitx fetħet is-safe hi u ma kinitx poġġiethom fuq il-Cloud u allura mhix fil-pussess tad-dokumenti. Quddiem il-Maġistrat hi sostniet illi dan mhux hi qalitu imma vvintah il-ġurnalist
  • Interessani illi anke Caruana Galizia, il-persuna li kienet ħarġet l-istorja, kienet qed taqbel ma' Pierre Portelli u tinsisti li Efimova qaltilha li kienet ħadet kopja ta' din id-dikjarazzjoni
  • Ta’ min insemmu li f’intervista li kellha dil-ġimgħa ma’ David Thake, Efimova tbiddel mill-ġdid il-verżjoni u tisħaq li d-dokumenti oriġinali dwar Egrant għadhom għandha.

More in Politika