Iktar akkużi ta' rigali li jiswew l-eluf li Yorgen Fenech għadda lil Joseph Muscat

Dalgħodu jkun żvelat li waqt party fil-Girgenti Fenech ta tliet fliexken inbid li flimkien jiswew kważi €6,000 lil Muscat... Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru jikkonferma ...

Biċċiet mill-filmat li nxtered fuq il-midja soċjali fi Frar tal-party li fih kien hemm Fenech
Biċċiet mill-filmat li nxtered fuq il-midja soċjali fi Frar tal-party li fih kien hemm Fenech

Dalgħodu sbaħna b'aktar akkużi ta' rigali li Yorgen Fenech, negozjant u sid 17 Black akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, għadda lil Joseph Muscat. Dalgħodu il-ġurnal The Times żvela kif Fenech kien attenda għal party li kien sar il-Girgenti u li spiċċa fuq il-gazzetti u fuq il-midja soċjali hekk kif Muscat flimkien ma' martu deheru jiċċelebraw bl-għajjat 'ma tagħmlu xejn ma' Joseph tagħna'. Fenech kien għadda tliet fliexken tal-inbid Petrus, inbid aħmar, Franċiż tat-tip Bordeaux. 

Jirriżulta li Fenech kien wieħed mill-mistiedna distinti f'dan il-party u kelliem għall-Uffiċċju ta' Kastilja stqarr illi kienu kkonsultati s-Servizzi Sigrieti f'dan il-każ, hekk kif dan il-party sar fil-bidu ta' din is-sena meta diġa kien hemm ħjiel illi Fenech seta' kellu konnessjoni mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Wieħed mill-fliexken kien tal-1974, is-sena illi fiha twieled il-Prim Ministru u ieħor tal-2007, is-sena meta twieldu ulied Muscat. 

Ir-rapport dalgħodu jgħid illi t-tliet fliexken jiswew mal-€5,800. 

Dan huwa t-tieni rappurtaġġ dwar rigali li Fenech, għadda lil Muscat wara li s-sit Lovin' Malta żvela kif dan kien għaddhielu arloġġ li jiswa madwar €20,000 tat-tipo BVLGARI u li jikkomemora l-10 snin minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.

Intant l-istess kelliem ammetta li Fenech għadda dawn ir-rigali imma qal li dawn mhux Muscat żammhom imma l-istat.

'Huwa inaċettabbli li l-PM huwa daqshekk involut fil-qrib ma' Yorgen Fenech'

Intant il-Partit Nazzjonalista sostna li dak li ġie żvelat fil-midja "hija xhieda tal-qrubija li teżisti bejn l-istess Prim Ministru u ċirku ta' persuni kriminali, li spiċċaw biex ħatfu Kastilja. Rigali, arloġġi u inbejjed b'uħud minnhom bi ħsieb jew personalizzati, li juru li saru b'intenzjoni u b'mod li juru biċ-ċar tal-qrubija personali u ħbiberija."

Il-PN qal li huwa wkoll għal kollox inaċċettabbli li l-Prim Ministru ta' pajjiżna jkun involut daqshekk fil-qrib ma' persuni li llum il-ġurnata jinsabu akkużati bl-assassinju ta' ġurnalista, "u lanqas mhu aċċettabbli li l-eks ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien involut fl-istess ħbiberiji li kif żvelat il-midja l-intenzjonijiet kienu li jakkwista eluf kbar kuljum mill-kumpanija 17 Black tal-mandant tal-assassinju minn wara dahar il-poplu."

More in Politika