Tajani jisħaq li l-vot ta' għada fil-Parlament Ewropew għandu jkun 'vot ta' sfiduċja' f'Muscat

Tul id-dibattitu spikkaw sejħiet għar-riżenja immedjata ta' Joseph Muscat u biex dak li qed iseħħ f'Malta ma jitteħidx f'iżolament

Dan l-artiklu qed ikun aġġornat kontinwament

Dalgħodu, il-Parlament Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni f'Malta wara l-aħħar avvenimenti li seħħew fil-jiem u l-ġimgħat li għaddejin.

Id-diskussjoni saret wara li delegazzjoni ġiet u ltaqgħet ma' diversi entitajiet f'Malta, inkluż mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Fil-fatt, l-aħħar żviluppi dwar il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u l-iżviluppi marbuta miegħu kienu fuq nett tal-aġenda. 

Spikkaw it-talbiet għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex ikun assigurat li ssir ġustizzja f'dan il-każ u anke biex l-Unjoni Ewropea ma tħarisx lejn dak li qed iseħħ f'Malta bħala każ iżolat iżda "sintomu" ta' dak li qed jiġri f'diversi pajjiżi membri oħra.

'Għajnejn il-ġurnalisti tal-UE jinsabu fuqek'

Wieħed mill-ewwel kelliema tal-lum kien Esteban González Pons mill-Partit Popolari Ewropew li ddedika t-tlett minuti tiegħu biex jappella direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jirriżenja immedjatament.

González Pons insista ma' Muscat li għajnejn il-ġurnalisti kollha tal-Unjoni Ewropea jinsabu fuqu u staqsa x'qed jaħbi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

"Kull ġurnata li tibqa' fil-poter hija daqqa ta' ħarta għal dawk li jridu li ssir ġustizzja," insista l-Ewroparlamentari. 

Sophie in 't Veld: Tikkritika lill-Kunsill Ewropew li injora s-sitwazzjoni f'Malta

Sophie in 't Veld, li mexxiet id-delegazzjoni li ġiet f'Malta, uriet it-tħassib tagħha għall-fatt li l-persuni involuti fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huma viċin persuni viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Hija ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex immedjatament tieħu passi waqt li kkritikat lill-Kunsill Ewropew li l-ġimgħa li għaddiet irrifjuta li jiddiskuti s-sitwazzjoni f'Malta. Fi kliemha, is-sitwazzjoni fil-Kunsill kienet "tal-mistħija" waqt li fakkret li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kienu bilqiegħda fuq l-istess mejda mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Filwaqt li insistiet li mhux il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jitlob għar-riżenja ta' Joseph Muscat, saħqet li l-preżenza tiegħu tibqa' ta' tħassib waqt li insistiet li ma jistax ikun hemm dubju dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Sven Giegold: Jappella biex jittieħdu passi kontra Malta

Sven Giegold wieħed mill-akbar kritiċi tal-Gvern Malti appella lill-Unjoni Ewropea biex tieħu passi kontra Malta biex ikun assigurat li tkun imħarsa s-Saltna tad-Dritt mhux biss f'Malta iżda fl-istati membri kollha.

Malta hija sintomu mhux il-kawża Stelios Kouloglou (GUE/NGL)

Giegold ikkritika lil Malta mhux qed timplimenta sewwa r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea.

Stelios Kouloglou: 'Mhux f'Malta biss hemm il-problemi'

Stelios Kouloglou (GUE/NGL) ukoll ħeġġeġ għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat iżda insista li mhux f'Malta biss hemm il-problemi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Ħeġġeġ, fost oħrajn, diskussjoni fuq dak li għaddej fl-Ungerija u f'pajjiżi oħra.

"Malta hija sintomu mhux il-kawża," insista Kouloglou.

'Muscat u sħabu intimidaw lil dawk li kkritikawhom'
'Muscat u sħabu intimidaw lil dawk li kkritikawhom'

Roberta Metsola: Muscat u sħabu intimidaw lil dawk li kkritikawhom

L-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola kkritikat lill-Prim Ministru u lil dawk ta' madwaru li użaw fondi pubbliċi biex fl-aħħar snin, fi kliemha, intimidaw lil dawk li kkritikawhom.

Hija saħqet li Muscat għadu qed jipprova jżomm mal-poter u ħeġġitu biex jirriżenja immedjatament biex ikun assigurat li s-seħħ il-ġustizzja u toħroġ il-verità kollha.

Insistiet li l-Maltin mhumiex kollha bħal Joseph Muscat u "l-kriminali" l-oħra ta' madwaru. Insitiet li meta d-dinja tħares lejn Malta għandha tara dak li verament hi, jiġifieri poplu li qam biex jiddefendi dak li jemmen fih.

Appellat biex dak li għaddej f'Malta jwassal għal bidla mhux f'Malta biss, iżda saħqet li għandu jkun hemm mekkaniżmu dwar is-Saltna tad-Diritt li jħares lejn is-sitwazzjoni f'kull Stat Membru.

Miriam Dalli tappella lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax il-perjodu ta' tranżizzjoni f'Malta
Miriam Dalli tappella lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax il-perjodu ta' tranżizzjoni f'Malta

Miriam Dalli: Tappella lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax il-perjodu ta' tranżizzjoni f'Malta

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli saħqet li kif dejjem insistiet, il-ġustizzja f'dan il-każ u oħrajn għandha dejjem issir u tidher li qed issir.

Fakkret li Malta bdiet timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li sarulha. 

"Ħadd ma hu 'l fuq mil-liġi," saħqet Miriam Dalli waqt li appellat biex kull allegazzjoni ta' korruzzjoni tkun investigata, seħħet meta seħħet.

Fil-fatt, fakkret li għaddejin ħames inkjesti maġisterjali.

Dalli fakkret li Malta bħalissa għaddejja minn perjodu ta' tranżizzjoni u appellat lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax dan il-proċess.

Kien hawn li Ewroparlamentari staqsa lil Dalli jekk jinwetahiex il-fatt li kien hemm min iddeskriva l-protesti li qed isiru f'Malta bħala "provokazzjoni," b'referenza indiretta għal dak li qal Robert Abela, kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista.

Miriam Dalli saħqet li hi dejjem kienet savur protesti li jsiru b'mod paċifiku. Fakkret li kien hemm diversi protesti, inkluż f'Kastilja stess u għalhekk insistiet li l-protesti qed jitħallew isiru.

Antonio Tajani: Il-vot tagħna għandu jkun vot ta' sfiduċja f'Joseph Muscat

Antonio Tajani, l-eks President tal-Parlament Ewropew saħaq li Joseph Muscat għandu jirriżenja immedjatament wara li jittieħed il-vot fil-Parlament Ewropew.

Saħaq li dan il-vot għandu jkun vot ta' sfiduċja f'Joseph Muscat. 

Fi kliemu, Malta għandha terġa' tingħata d-dinjità tagħha u ma tibqax meqjusa bħala pajjiż magħruf għall-ħasil tal-flus u l-bejgħ tal-passaporti.

Ramona Strugariu: 751 ittra għal Muscat

Ramona Strugariu saħqet li kull Ewroparlamentari, jiġifieri 751 membru, kellu jibgħat ittra lil Joseph Muscat jistaqsih min ordna l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u għaliex.

Insistiet li ħadd minn dawk preżenti fil-Kunsill Ewropew ma jmissu ħa b'idejn Muscat.

"Poplu Malti, aħna magħkom; rridu ġustizzja għal Daphne," temmet tgħid bil-Malti l-istess MPE.

Mhux se naċċetta li minħabba l-aġir ta' ftit Malta tkun deskritta pajjiż mafjuż
Mhux se naċċetta li minħabba l-aġir ta' ftit Malta tkun deskritta pajjiż mafjuż

Alex Agius Saliba: 'Mhux se naċċetta li minħabba l-aġir ta' ftit Malta tkun deskritta pajjiż mafjuż'

L-Ewroparlamentari Malti Alex Agius Saliba saħaq li huwa kburi li hu Malti u li mhux se jaċċetta li l-minħabba l-aġir ta' ftit, Malta tkun deskritta l-pajjiż mafjuż.

Huwa faħħar ix-xogħol li wettqet il-Pulizija u insista li dan kien ikkonfermat ukoll mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta.

Kien għalhekk li saħaq li r-reżoluzzjoni li qed tkun diskussa llum mhijiex ġusta. Filwaqt li saħaq li l-ebda pajjiż ma hu perfett u li anke f'Malta hemm titjieb xi jsir, insista li l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu biex jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet li sarulha.

Mistoqsi minn Ewroparlamentari tal-Partit Popolari Ewropew kif jista' jkun kburi meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed ikun implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Agius Saliba insista miegħu li qed jiskanta kif il-Partit Popolari Ewropew poġġa l-enerġija kollha tiegħu biex jiddiskuti lil Malta iżda ma għamilx l-istess meta l-Parlament iddiskuta s-sitwazzjoni f'pajjiżi oħra, inkluż l-Ungerija.

'Qatt ma ħassejtni daqhekk mistħi mill-fallimenti tal-Gvern Malti'
'Qatt ma ħassejtni daqhekk mistħi mill-fallimenti tal-Gvern Malti'

David Casa: 'Qatt ma ħassejtni daqhekk mistħi mill-fallimenti tal-Gvern Malti'

L-Ewroparlamentari David Casa beda l-intervent tiegħu billi talab apoloġija għall-fallimenti tal-Gvern Malti u l-insistenza tiegħu li jkompli jwettaq dan sal-lum. 

Fi kliemu, qatt ma ħassu daqshekk mistħi mill-Gvern Malti, mill-klikka "kriminali" li fi kliemu ħatfet il-Gvern, mill-istitituzzjonijiet li mhux jagħmlu xogħolhom.

"Iżda kollegi, din mhijiex Malta. Dawn il-ftit kriminali mhumiex Malta. Malta vera tinsab fit-toroq tipprotesta kuljum," insista Casa. "Filwaqt li l-Gvern Malta ġiegħlna nistħu, il-Maltin jagħmluna kburin."

Huwa appella biex l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni. "Irridu li l-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħmlu xogħolhom, u li jagħmlu dan għall-poplu Malti," insista Casa.

 'Jiena wkoll ixxukkjata ... il-Maltin irridu ġustizzja'
'Jiena wkoll ixxukkjata ... il-Maltin irridu ġustizzja'

Josianne Cutajar: 'Jiena wkoll ixxukkjata ... il-Maltin irridu ġustizzja'

L-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar insistiet li bħall-bqija tal-Maltin, anke hi trid li ssir ġustizzja.

Filwaqt li faħħret il-progress li sar fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, faħħret ix-xogħol li wettqet il-Pulizija anke bl-għajnuna tal-Europol.

Bħall-kollegi tagħha, anke Cutajar fakkret li Malta qed taħdem biex tirriforma l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet mhux se jiefqu sakemm tkun konkluża r-riforma Kostituzzjonali.

Simili għal dak li qalet Miriam Dalli, anke Cutajar insistiet li azzjoni kontra Malta bħalissa tista' tippreġudika dawn il-bidliet.

Paulo Rangel: Jikkundanna lill-Kummissjoni, il-Kunsill u lis-Soċjalisti għax 'ma għandhomx kuraġġ'

Paulo Rangel mill-Partit Popolari Ewropew saħaq li jinsab iddispjaċut li l-Kummissjoni, il-Kunsill u anke s-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew ma għandhomx kuraġġ li jikkundannaw dak li qed jiġri u jitolbu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Malta se jkollha Gvern ġdid li se jbiddel
Malta se jkollha Gvern ġdid li se jbiddel "l-iżbalji radikali" li saru fil-passat

Alfred Sant: Malta se jkollha Gvern ġdid li se jbiddel "l-iżbalji radikali" li saru fil-passat

L-Ewroparlamentari Alfred Sant saħaq li l-fatt li Malta qed tiffaċċja sfidi ta’ governanza huwa ċar. Fi kliemu saru żbalji fl-ogħla livelli u llum dawk li ħaduhom qed iħallsu l-prezz.

Madanakollu insista li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien investigat u llum wasal biex inkun solvut.

Dwar ir-reżoluzzjoni li dwarha se jkun qed jittieħed il-vot għada, Alfred Sant saħaq li qed tpinġi iswed dak kollu li huwa marbut ma’ Malta inkluż il-kisbiet ekonomiċi li kisbet.

Fakkar li x-xahar id-dieħel, Malta se jkollha Gvern ġdid kommess li jbiddel “l-iżbalji radikali” li saru fil-passat.

Insista li l-Gvern ġdid se jassigura s-separazzjoni tal-poteri, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li ssir ġustizzja fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Appella, bħall-kollegi sħabu, biex ma tittieħed l-ebda azzjoni prematura li tista’ tippreġudika din it-tranżizzjoni li qed issir f’Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea tikteb lil Malta

Intant, ilbieraħ, il-Kummissarju l-ġdid Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders kiteb lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex jurih it-tħassib tiegħu u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen dwar is-sitwazzjoni f'Malta. Jidher ukoll li l-istess Kummissarju saħansitra tkellem bit-telephone mal-Ministru Owen Bonnici.

L-istess tħassib kien espress dalgħodu fil-Parlament Ewropew mill-Kummissarju Ewropew Vera Jourova.

Reynders fakkar lill-Ministru li s-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Venezja fost oħrajn għamlet diversi rakkomandazzjonijiet lil Malta bil-għan li tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt u s-seperazzjoni tal-poteri bil-għan li l-istituzzjonijiet jaħdmu aħjar u b'mod indipendenti, fosthom il-ġudikatura.

Filwaqt li nnota li l-Gvern Malti beda jaħdem fuq uħud mir-rakkomandazzjonijiet, insista li l-aħħar żviluppi jkomplu jikkonfermaw kemm ir-rakkomandazzjonijiet proposti għandhom ikunu diskussi u implimentati mill-aktar fis possibbli.

Ippropona li Malta tikkonsulta mal-Kummissjoni Venezja fuq l-abbozzi kollha ta' leġislazzjoni marbuta mar-rakkomandazzjonijiet bil-għan li jkun assigurat li l-problemi kollha li ġew innotati mill-istess Kummissjoni, ikunu indirizzati bl-aktar mod effettiv.

More in Politika