Il-Bank Ċentrali jwissi li l-inċertezza politika jista' jkollha effett negattiv fuq il-finanzi pubbliċi

Fakkar li dawn jistgħu iżidu ma’ effetti negattivi oħra li l-pajjiż fuqhom ma għandux kontroll, inkluż Brexit

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta wissa li l-inċertezza politika li nħolqot fl-aħħar jiem fil-pajjiż jista’ jkollha effett negattiv fuq il-finanzi tal-pajjiż.

“Ir‑riskji għall‑finanzi pubbliċi jxaqilbu ’l fuq fl‑2019, iżda mbagħad, speċjalment fl‑2020, ixaqilbu ’l isfel jekk ir‑riskji fid‑domanda domestika jimmaterjalizzaw u jekk l‑inċertezza politika tkun estiża,” wissa l-Bank Ċentrali fil-prospetti tiegħu.

Fakkar li dawn jistgħu iżidu ma’ effetti negattivi oħra li l-pajjiż fuqhom ma għandux kontroll, inkluż Brexit.

Dan minkejja li l‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar li t‑tkabbir ekonomiku jibqa’ mgħaġġel matul is‑snin li ġejjin u jkun f’medja ta’ 4.1% bejn l‑2019 u l‑2022.

It‑tkabbir fil‑konsum privat u fl‑infiq tal‑gvern hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu, filwaqt li l‑investiment hu mistenni li jirkupra mit‑tnaqqis irreġistrat fl‑2018. 

Ibassar ukoll li fl-istess perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir fil‑PDG ser ikun sostnut mid‑domanda domestika, l‑aktar minħabba tkabbir b’saħħtu fil‑konsum privat u fl‑investiment.

B’kuntrarju għal dan, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta hu mistenni li jkun negattiv fl‑2019 minħabba xenarju internazzjonali dgħajjef, u r‑rata ta’ tkabbir ogħla fl‑importazzjoni bħala riżultat ta’ domanda domestika b’saħħitha. 

Dwar il‑ħolqien tal‑impjiegi, il-Bank Ċentrali qed ibassar li dan  se jimmodera, iżda jibqa’ b’saħħtu. 

“Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa’ f’livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 3.8% sal‑2022,” saħaq il-Bank Ċentali.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur hi mistennija li tbatti bi ftit fl‑2019, qabel ma titla’ għal 1.9% sal‑2022, minħabba tkabbir aktar b’saħħtu fil‑prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.

More in Politika