Kastilja tikkonferma li Muscat bagħat messaġġi lil Yorgen Fenech meta dan kien diġà suspettat

Kelliem għall-Prim Ministru qal li Muscat għamel dan f'konsultazzjoni mas-Servizzi Sigrieti

L-uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma li Joseph Muscat kien għadu qed jibgħat messaġġi lil Yorgen Fenech meta dan kien diġà suspettat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Kelliem għall-Prim Ministru kkonferma ma' The Malta Independent li Muscat kien għadu f'kuntatt ma' Fenech anke jekk saħaq li għamel dan "f'konsultazzjoni mas-Servizzi Sigrieti."

Kien is-sit Maltatoday.com.mt li kien żvela kif il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iffirma l-ordni biex is-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà jinterċettaw it-telefonati ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u għalhekk kien ilu aktar minn sena jaf li l-Pulizija kienet qed tqis il-passi ta' Fenech. Keith Schembri kien ikun preżenti għal-laqgħat mas-Servizzi tas-Sigurtà.

Ilbieraħ, is-sit LovinMalta irrapporta kif il-Prim Ministru kien għadu qed jibgħat messaġġi lil Yorgen Fenech li issa huwa akkużat bil-qtil ta' Caruana Galizia, fi żmien meta s-Servizzi Sigrieti kienu diġà qed isegwu l-passi tiegħu.

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta' The Malta Independent, Kastilja wieġbet: "Filwaqt li l-Prim Ministru ma jistax, f'dan l-istadju, jikkummenta fuq l-ispeċifiku, wieħed irid jikkjarifika li l-kuntatt mal-imsemmija persuna kompla anke wara li isem is-suspettat ħareġ fl-investigazzjonijiet u dan b'konsultazzjoni mas-Servizzi Sigrieti."

Il-ġurnal talab li jara l-messaġġ u anke d-data tal-aħħar messaġġ jew telefonata li kien hemm bejn il-Prim Ministru u Yorgen Fenech.

Ta' min isemmi li Yorgen Fenech qiegħed jimplika lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, bil-ġurnal The Times of Malta lbieraħ jippubblika wkoll ittra ffirmata "Melvin Theuma" u li fiha Keith Schembri huwa implikat bħala l-kompliċi ta' Yorgen Fenech.

More in Politika