Il-PM kien jaf li Fenech huwa suspettat għax iffirma l-ordni biex jiġu interċettati t-telefonati tiegħu

Dalgħodu l-MaltaToday żvelat kif il-Pulizija kienet ilha 'l fuq minn sena tinterċetta t-telefonati ta' Yorgen Fenech

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iffirma l-ordni biex is-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà jinterċettaw it-telefonati ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u li allegatament huwa s-suspettat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan kien irrapportat minn The Times of Malta u jispjega għalfejn rapporti qed jisħqu li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ilu madwar 15-il xahar jaf li Fenech kien suspettat, wara li dalgħodu MaltaToday żvelat kif il-Pulizija kienet ilha ‘l fuq minn sena tinterċetta t-telefonati ta’ Fenech.

Normalment huwa l-Ministru għall-Intern li jiffirma ordni bħal din u jassumi r-responsabbilità iżda skont il-liġi, il-Prim Ministru jista’ jassumi din ir-responsabbilità jekk jara li għandu għaliex.

Jidher ukoll li t-Times of Malta għamlet kuntatt mal-Prim Ministru li insista li mhux se jikkummenta qabel tintemm l-investigazzjoni.

Madanakollu, huwa ċ-ċara li l-aħħar darba li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech kien fi Frar li għadda meta t-tnejn li huma attendew għal “attività soċjali.”

Muscat ċaħad ukoll għajdut li x-xahar li għadda huwa kien ma’ Fenech għal vaganza fuq jott fi Franza.

Dalgħodu, sorsi li tkellmu mal-MaltaToday insistew li mit-telefonati interċettati mis-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà, isem Keith Schembri ma ssemma mkien.

Il-Pulizija għandha f’idha recordings ta’ telefonati oħra li Yorgen Fenech għamel lil Theuma, liema telefonati ġew irrekordjati mill-istess allegat intermedjarju. Hu mifhum, li dawn tal-aħħar, jinsab f’idejn il-maġistrat.

Yorgen Fenech jidher li qed jipponta subajgħ lejn Keith Schembri bħala l-mandant tal-qtil, madanakollu sorsi qalu mas-sit illum.com.mt li huma ftit dubjużi dwar dan, anke għax dak li qal sa issa Fenech mhux dejjem kien ikkorraborat bil-fatti.  

More in Politika