Fenech jgħid li Schembri pprova diversi drabi jwaqqfu milli jgħaddi informazzjoni lill-pulizija

'L-ebda ammont ta' manuvri, akrobatiċi politiċi u xeneġġati fuq il-midja mhu se jneħħi mill-fatt li l-organu li ddeċieda l-maħfra Presidenzjali kien il-Kabinett ta' Muscat, li kellu lil bħala Schembri Chief of Staff' - Fenech 

L-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia Yorgen Fenech qed jinsisti li Keith Schembri għamel diversi attentati 'konsiderevoli' biex iwaqqfu milli jgħaddi informazzjoni inkriminanti lill-pulizija. Dan għamlu, qed jgħid Fenech, permezz ta' terzi persuni u permezz ta' wegħdi. Dan wassal biex Fenech ma setax jgħaddi informazzjoni lill-awtoritajiet, li minnha nnifisha hija att illegali.

Dan ħareġ minn azzjonali legali ta' Fenech kontra r-rifjut li jingħata l-maħfra Presidenzjali, għal informazzjoni li timplika lill-istess Keith Schembri. 

Fenech sostna li hu għandu dritt ta' smigħ xieraq, "liberu mill-interessi politiċi jew interessi personali u kunflitt ta' interess.

Fenech qal illi huwa inkwetanti li l-Kabinett, flimkien mal-Prim Ministru ħadu din id-deċiżjoni meta ftit sigħat biss qabel Keith Schembri kien membru tal-istess kabinett. 

"L-ebda ammont ta' manuvri, akrobatiċi politiċi u xeneġġati fuq il-midja mhu se jneħħi mill-fatt li l-organu li ddeċieda l-maħfra Presidenzjali kien il-Kabinett ta' Muscat, li kellu lil Schembri bħala Chief of Staff ftit qabel," sostna Fenech. 

Huwa qed jitlob li d-deċiżjoni biex ma tingħatax il-maħfra tkun annullata mill-Qorti.

More in Politika