Aġġornata | 'Joseph Muscat qed iħossu tradut minn Keith Schembri'

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola qalet dan wara l-laqgħa d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kellha f'Kastilja

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kienet f'Kastilja għal-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u li għaliha se jkun hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

F'kummenti mal-midja, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola li hija parti minn din id-delegazzjoni qalet mal-midja li staqsiet lill-Prim Ministru jekk iħossux tradut minn Keith Schembri u fi kliemha, Muscat weġiba ċar u tond: "iva."

Kompliet tgħid li Muscat ammetta li mhux dejjem kellu raġun dwar Keith Schembri.

Madanakollu, saħqet li l-Prim Ministru ma jidhirx li qed jieħu bis-serjetà s-sejħa biex "jirriżenja immedjatament," tant li lid-delegazzjoni qalilhom li dik hija deċiżjoni tiegħu.

Sophie in ‘t Veld, li qed tmexxi d-delegazzjoni qalet li mhux se tkun qed tikkummenta dwar jekk Muscat għandux jirriżena immedjatament, madanakollu wriet it-tħassib tagħha dwar it-tmexxija tiegħu f'pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Id-delegazzjoni waslet Malta wara l-aħħar żviluppi fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Id-delegazzjoni se tkun qed tiltaqa’ wkoll mal-President George Vella, mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u anke mal-Kamra tal-Avukati.

Se jiltaqgħu wkoll mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u mas-soċjetà ċivili.

Intant, numru żgħir ta' dimostranti nġabru quddiem Kastilja mal-wasla tad-delegazzjoni jisħqu għar-riżenja ta' Muscat. Sadanittant, il-Belt bħalissa 'tinsba taħt assedju' b'diversi barrieri kemm quddiem il-Parlament u anke quddiem Kastilja.

More in Politika