'Il-kunflitti ta' interess huma evidenti u qed ipoġġu riskju fuq l-investigazzjoni' - Il-Kamra tal-Avukati

Il-Kamra tal-Avuakti tappella biex is-sitwazzjoni preżenti tkun indirizzata minn persuni fil-poter li ma għandhomx kunflitt ta' interess

Il-Kamra tal-Avukati uriet “it-tħassib serju” tagħha dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati insistiet li ma tantx hemm xi żżid mal-aħħar żviluppi, għax fi kliemha, dawn jitkellmu waħedhom.

Minkejja dan saħqet li s-sitwazzjoni għandha tkun indirizzata minn “persuni fil-poter li huma liberi minn kunflitt ta’ interess,” jew inkella, jekk involuti, li normalment jaġġixxu mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuh, “partikolarment meta l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jinvolvu ministri preżenti jew eks ministri jew persuni b’kariga għolja.”

“F’dan il-każ, il-kunflitti ta’ interess huma evidenti u jpoġġu riskju ċar fuq l-investigazzjoni u l-proċess ġudizzjarju,” tkompli l-istqarrija.

Appellat biex illum aktar minn qatt qabel, l-istituzzjonijiet jitħallaw jaħdmu b’serenità u mingħajr pressjoni minn dawk b’kunflitt ta’ interess, waqt li wrew ukoll it-tħassib tagħhom fuq il-maħfriet Presidenzjali.

“F’dan il-każ, l-għotja jew iċ-ċaħda ta’ maħfra Presidenzjali, jew maħfriet, huma aktar delikat mis-soltu,” komplew jisħqu l-Avukati waqt li tennew li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn persuni li ma għandhom l-ebda kunflitt ta’ interess.

More in Politika