Konrad iwieġeb lil Evarist: 'Attakki bħal dawn ipaxxu lill-PN'

Konrad Mizzi ma juri l-ebda intenzjoni li jwarrab fil-ġenb wara l-appell ċar u tond tal-Ministru Evarist Bartolo

Ftit minuti wara li l-Ministru Evarist Bartolo kiteb ċar u tond biex jisħaq li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandu jirriżenjaw, wieġeb il-Ministru Mizzi li stqarr li mhux se jirrispondi fil-pubbliku għall-kritika “minn xi kollegi.”

Fuq Facebook, Konrad Mizzi qal li mhux se jikkummenta għax fi kliemu ma jaħsibx li l-pajjiż jistħoqlu battibekki f’dan il-mument.

“Kull ma jagħmlu attakki bħal dawn huwa li jpaxxu lill-esponenti tal-PN li huma ossessjonati għall-poter, u li qed jagħmlu minn kollox biex jiżirgħu firda fostna,” saħaq Konrad Mizzi. “Aħna l-Laburisti nemmnu fil-ġustizzja u fis-sewwa. Il-ġustizzja ssir bis-saltna tad-dritt, billi nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom b’serenità, u mhux bl-attakki fuq Facebook.”

Filwaqt li insista li kulħadd għandu dritt jesprimi fehmtu, insista li l-ħsara li saret lill-pajjiż minn ċertu nies hija rreparabbli.

Kiteb primarjament biex jirringrazzja lil dawk kollha li bagħtulu messaġġi ta’ sapport.

“Meta gejt avviċinat biex noħrog għall-politika, bosta kienu avżawni li l-politika hija logħba iebsa. Ħammġuni, attakkaw lili u ‘l familja tiegħi, u dan kollu għall-gwadann politiku tagħhom. Jien bqajt naħdem,” kiteb Konrad Mizzi. 

Temm jisħaq li l-Gven jista’ jkompli jibni fuq il-ġid u temm iqawwi qalb il-Laburisti: “Kuraġġ ħbieb, erbaħnilom qabel u se nkomplu nirbħu għax is-sewwa jerbaħ dejjem.”

More in Politika