L-AD tgħid li Keith u Konrad jeħtieġ jirriżenjaw

Tgħid illi isem Yorgen Fenech kien ilu jiċċirkola bħala n-negozjant mdaħħal fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

(Arkivji)
(Arkivji)

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal illi fid-dawl tal-arrest ta' Yorgen Fenech, "Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jitkeċċew immedjatament. L-arrest ta’ Yorgen Fenech kmieni dalgħodu fuq il-yacht tiegħu barra Portomaso jiftaħ il-bibien beraħ għal ħafna affarijiet," sostniet l-Alternattiva Demokratika (AD). 

L-AD fakkret illi isem Yorgen Fenech ilu jiċċirkola bħala mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kif ukoll qalet illi l-fatt illi Fenech għadu qed jiġri mas-saqajn ifisser li hu kien konvint li mhux se jiġri xejn,

"L-ewwel nett, għal min isegwi, isem Yorgen Fenech ilu iċċirkula fil-widnejn bħala dak in-negozjant prominenti li msemmi xi ġimgħat ilu bħala l-allegat mandanti, s’issa mhux magħruf, fil-kaz tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia."

"It-tielet, Yorgen Fenech, in-negozjant, ifisser ukoll il-kumpanija 17 Black u l-allegazzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu magħha. Fosthom, issemmew repetutament l-ismijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-kuntest ta’ emails b’referenza għal ħlasijiet sostanzjali."

L-AD qalet li lbieraħ Muscat deher qisu 'ras maqtugħa' u sostniet illi huwa inevitabbli li Schembri u Mizzi jirriżenjaw. 

"Warajhom hemm oħrajn. Imma pass pass," temmet tgħid l-istqarrija. 

Il-Moviment Graffitti jistaqsi x'qed iżomm lil Muscat milli jkeċċi lil Keith u Konrad...

Immedjata kienet ukoll ir-reazzjoni tal-Moviment Graffiti li saħqu li Keith Schembri u Konrad Mizzi mhux biss għandhom jirriżenjaw, iżda saħansitra “jisparixxu” mix-xena politika.

“L-arrest ta’ Yorgen Fenech f’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli juri li l-karigi ta’ dawn iż-żewġ figuri politiċi assolutament m’għadhomx tenibbli,” insista l-Moviment.

Waqt li fakkru f’dak kollu żvelat dwar Yorgen Fenech u l-kumpanija 17 Black, il-Moviment Graffitti insista li issa “ma jifdal l-ebda dubju,” li l-Kap tal-Istaff tal-PM u l-Ministru Mizzi ma jistgħux jibqgħu jokkupaw il-karigi preżenti tagħhom.

Dan għax fi kliem Graffitti, issa huma mhux biss “konnessi ma’ skandlu li jinvolvi l-korruzzjoni, iżda issa wkoll ma’ negozjant li qed jiġi implikat fi qtil.”

Il-Moviment Graffitti insista li jekk dawn jibqgħu ma jirriżenjawx, il-mistoqsijiet jibqgħu tnejn: “Għalfejn huma daqshekk indispensabbli? Għalfejn il-Prim Ministru huwa għal darb’oħra lest li jaffaċċja l-pressjoni minn kull direzzjoni, inkluż minn nies fil-Partit Laburista stess, sabiex jipproteġi lil dawn iż-żewġ individwi li l-pożizzjoni tagħhom ilha żmien twil li tilfet kull farka ta’ kredibbiltà?”

More in Politika