'Il-miri tal-iskemi ta' rilokazzjoni ta' immigranti ma ntlaħqux' - QEA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tfakkar illi mill-mira inizzjali ta’ 160,000 migrant, il-pajjiżi tal-UE qablu legalment li jirrilokaw 98 256. Madankollu, ġew irrilokati biss 34,705 migranti

Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea (UE) tagħti spinta lill-azzjoni f’dak li jirrigwarda l-ażil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti biex l-objettivi tal-appoġġ tagħha jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar. "Il-miri tal-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza ma ntlaħqux u l-objettiv prinċipali tagħhom li jtaffu l-pressjoni fuq il-Greċja u l-Italja ntlaħaq biss parzjalment. Minkejja li kien hemm żieda fil-kapaċitajiet ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil fiż-żewġ pajjiżi, iż-żminijiet twal għat-trattament u l-konġestjonijiet għadhom jippersistu, filwaqt li l-ammont ta’ ritorni ta’ migranti irregolari jibqa’ baxx u problematiku fl-UE kollha."

Fl-istqarrija l-QEA tinnota kif fi snin reċenti, l-UE esperjenzat livelli ta’ migrazzjoni li huma mingħajr preċedent, li laħqu l-quċċata tagħhom fl-2015 u wasslu għal żieda fl-applikazzjonijiet għall-asil, b’mod partikolari fil-Greċja u fl-Italja. Biex tindirizza l-kriżi, l-UE stabbiliet hotspots, introduċiet skemi ta’ rilokazzjoni temporanja u żiedet il-finanzjament tagħha. L-awdituri eżaminaw jekk l-appoġġ li ngħata mill-UE għaż-żewġ pajjiżi kienx laħaq l-objettivi tiegħu, jekk l-iskemi ta’ rilokazzjoni kinux laħqu l-miri tagħhom, u jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux effettivi u rapidi.

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Greċja u fl-Italja min-naħa tal-UE kienet rilevanti, iżda ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha,” qal Leo Brincat, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.”

L-awdituri sabu li l-azzjonijiet ta’ appoġġ mill-UE li ġew eżaminati kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet identifikati, iżda l-biċċa l-kbira mill-proġetti ma kinux laħqu l-miri tagħhom kompletament. Ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti kienu ttejbu sinifikattivament, iżda s-sitwazzjoni fil-hotspots Griegi għadha kritika ħafna f’dak li jirrigwarda l-kapaċità u s-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati. L-operazzjonijiet tal-uffiċċju Ewropew ta’ appoġġ fil-qasam tal-asil (EASO) kien għad kellhom nuqqas ta’ esperti nazzjonali, filwaqt li l-aġenzija tal-UE għall-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta (Frontex) kienet fil-fatt stazzjonat aktar membri tal-persunal milli kien meħtieġ fil-hotspots Taljani, li nstabu li kienu vojta jew kważi vojta.

Mill-mira inizjali ta’ 160,000 migrant, il-pajjiżi tal-UE qablu legalment li jirrilokaw 98 256. Madankollu, ġew irrilokati biss 34,705 migranti (21 999 mill-Greċja u 12 706 mill-Italja). L-awdituri jgħidu li l-iskemi kellhom prestazzjoni insuffiċjenti prinċipalment minħabba s-sehem baxx ħafna ta’ migranti potenzjalment eliġibbli li kienu rreġistrati biex jiġu rrilokati, billi inizjalment l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi ma kinux f’pożizzjoni li jidentifikaw il-kandidati kollha potenzjali u jorjentawhom b’suċċess biex ikunu jistgħu japplikaw għal rilokazzjoni. Ladarba l-migranti ġew irreġistrati għal rilokazzjoni, l-isforzi kellhom aktar suċċess. Madankollu, l-awdituri identifikaw għadd ta’ dgħufijiet operazzjonali fil-proċess ta’ rilokazzjoni.

Fil-Greċja, iż-żieda fil-kapaċità ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil kienet għadha mhix suffiċjenti biex tindirizza l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet li dejjem qed tiżdied. Fl-2016, id-dikjarazzjoni UE-Turkija kellha impatt kbir fuq il-wasliet tal-migranti. Madankollu, il-proċedura rapida fuq il-fruntiera għall-eżaminar tal-applikazzjonijiet għall-asil, li hija l-pedament tagħha, mhix rapida biżżejjed: fl-2018, minflok ftit jiem, din kienet tieħu medja ta’ 215-il jum mill-applikazzjoni sad-deċiżjoni fl-ewwel istanza. Problemi bħan-nuqqas ta’ tobba biex iwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà fil-Gżejjer Griegi kienu fattur ewlieni f’dan id-dewmien. Għall-proċeduri aċċellerati u għal dawk regolari, is-sitwazzjoni kienet saħansitra aktar problematika, billi d-dati għall-intervisti ġew iffissati għall-2021 u l-2023 rispettivament. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ każijiet ta’ deċiżjonijiet negattivi li ttieħdu fl-ewwel istanza qed jiġi ttrasferit għall-istadju tal-appell li huwa diġà mgħobbi żżejjed.

Attwalment, l-Italja għandha kapaċità ta’ pproċessar suffiċjenti biex tindirizza l-ammont ta’ wasliet u ta’ applikazzjonijiet għall-asil fl-ewwel istanza, li naqas drastikament, iżda mhux biex tipproċessa l-għadd kbir ta’ appelli. Applikazzjoni għall-asil ippreżentata fl-2015 kienet tieħu medja ta’ aktar minn erba’ snin biex tasal sal-istadju finali tal-appell. L-awdituri jwissu li l-appoġġ li jingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji x’aktarx isir il-ħtieġa l-aktar urġenti għas-sistema tal-asil fl-Italja.

Fiż-żewġ pajjiżi u fl-UE inġenerali, l-għadd ta’ migranti li fil-fatt jiġu rritornati huwa ferm inqas mid-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jittieħdu. Ir-raġunijiet prinċipali huma l-ipproċessar fit-tul tal-każijiet ta’ asil, in-nuqqas ta’ sistemi integrati ta’ ġestjoni tar-ritorn, l-ebda rikonoxximent reċiproku jew reġistrazzjoni sistematika tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, il-kapaċità insuffiċjenti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-kooperazzjoni diffiċli mal-pajjiż ta’ oriġini tal-migranti, jew sempliċiment migranti li jaħarbu ladarba tittieħed deċiżjoni biex dawn jiġu rritornati.

L-awdituri għamlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea u liż-żewġ aġenziji sabiex:

  • jużaw it-tagħlimiet meħuda għall-fini ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni volontarja li jista’ jkun hemm fil-futur;
  • isaħħu l-ġestjoni tal-appoġġ ta’ emerġenza, is-sistemi ta’ asil u l-proċeduri ta’ ritorn;
  • itejbu l-appoġġ mogħti mill-EASO għall-proċeduri ta’ asil u jaġġustaw l-appoġġ għar-ritorn u l-istazzjonament tal-esperti min-naħa tal-Frontex

More in Politika