Filmat | Fearne jisħaq li Busuttil u l-PN qed jirrepetu l-iżball ta' Egrant

Fearne jisħaq li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi waqt li fakkar li hemm proċess ġudizzjarju li għaddej

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li dwar l-allegazzjonijiet kontra Keith Schembri, Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista qed jirrepetu l-iżball li għamlu dwar Egrant.

Mistoqsi minn ġurnalist tal-MaltaToday jekk jaħsibx li lbieraħ Keith Schembri tax raġun lil Simon Busuttil meta waqqa' l-libell kontrih, Fearne insista li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni baqa' ma tgħallem xejn mill-każ Egrant.

"Ipprova jippreġudika r-riżultat ta' inkjesta u l-inkjesta kkonkludiet bil-kontra," saħaq Fearne.

Waqt li fakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ried ikeċċi lil Simon Busuttil minħabba din il-kwistjoni, illum il-PN qed jerġa' jirrepeti l-istess strateġija.

"Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi. Hemm il-proċess ġudizzjarju li għaddej. Jiena għandi fiduċja f'dan il-proċess. Nistennew ir-riżultati," saħaq Fearne.

Intant, anke l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg iddefenda lil Schembri u insista li lbieraħ dan ma ħarabx iżda segwa pariri legali minħabba li għaddejin inkjesti oħra dwar l-istess materja li kellha tkun diskussa fil-libell.

Huwa faħħar ix-xogħol li fi kliemu wettaq Keith Schembri kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern. 

Aqra wkoll:

More in Politika