Rapporti li l-Arċisqof ġibed l-attenzjoni ta' Dun David Muscat

Dan minkejja li mal-gazzetta ILLUM il-Kurja naqset milli tikkonferma l-aħbar

Minkejja li mal-gazzetta ILLUM il-Kurja ma kinitx ikkonfermat jekk l-Arċisqof tkellimx ma’ Dun David Muscat, is-saċerdot kontroversjali l-aktar minħabba d-diskors tiegħu fuq il-barranin u l-immigranti, il-gazzetta The Times of Malta rrapportat li fl-aħħar jiem kien hemm laqgħa bejn Monsinjur Charles Scicluna u l-qassis Mosti.

Sal-Ħadd li għadda, anke l-Prim Ministru Joseph Muscat sfida lill-Arċisqof Scicluna biex jieħu passi kontra min qed ixerred il-mibiegħda kontra l-barranin.

La l-Kurja u lanqas Dun David innifsu ma’ kkonfermaw jekk kienx hemm laqgħat imsejħa mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Il-Kurja kienet weġbitna biss li “mhijiex prassi tal-Kurja li tikkummenta dwar laqgħat u kuntatti bejn l-Isqof u s-sacerdoti tiegħu.”

Il-kontroversja dwar Dun David bdiet meta nxtered filmat tiegħu, waqt attività f’għeluq snin Norman Lowell, b’Dun David jinstema’ jgħid li l-politiku tal-lemin estrem, li jaqbel mal-politika ta’ Adolf Hitler, żera żerriegħa li se tagħti l-frott.

More in Politika