L-Arċisqof ma jweġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar Dun David

L-Arċisqof ma jweġibx ukoll dwar l-istqarrija tal-omosesswalità fis-seminarji

L-Arċisqof Charles J Scicluna qed iżomm skiet assolut fuq Dun David Muscat, anke jekk bħal-lum ġimgħa, fuq din il-gazzetta, kif ukoll nhar il-Ġimgħa fuq Xarabank għamel diversi stqarrijiet li jmorru kontra l-attitudni tal-Knisja fuq diversi kwistjonijiet. Dun David, fost oħrajn qed jappella biex l-immigranti jintbagħtu lura l-Libja, filwaqt li qed jgħid ukoll li indika illi  persuni omosesswali m’għandhomx jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet u funzjonijiet Kattoliċi.

Minkejja lista ta’ mistoqsijiet minn din il-gazzetta, l-Arċisqof ma wieġeb għall-ebda waħda minnhom, ħlief li rrefera għat-tagħlim tal-Knisja “li huwa ċar, u biex wieħed jifhem u japprezza t-tagħlim tal-Knisja għandu jsegwi dak li jgħid il-Papa u dak li jgħid l-Isqof.”

Din il-gazzetta staqsiet dawn il-mistoqsijiet: L-Arċisqof għamel kuntatt ma' Dun David Muscat? Se jkunu qed jittieħdu passi kontra Dun David Muscat kif ittieħdu dwar saċerdoti oħra?  L-Arċidjoċesi ma taħsibx li ċertu kummenti ta' Dun David, fuq l-immigranti, ir-refuġjati u persuni LGBTIQ għandhom ikunu kkundannati?  L-Arċidjoċesi taħseb li huwa xieraq li saċerdot jappella għal intervent militari fil-Libja u biex dawk li jaslu bid-dgħajjes jintbagħtu lura f'pajjiżhom? L-Arċidjoċesi ma taħsibx li bis-skiet tagħha dwar dawn il-kummenti, qed tidher tapprova l-kummenti ta' Dun David Muscat?  L-Arċidjoċesi se tippermetti li Dun David ixerridha li fis-seminarji hemm kultura ta' omossesswalità?  Dun David Muscat qal li żdiedu n-nies li qed imorru għall-quddiesa tiegħu kemm ilu jidher "ma’ ta' Lowell." Qed ikunu osservati l-omeliji ta' Dun David?

Għal dawn il-Mistoqsijiet l-Arċisqof wieġeb biss hekk: “Mhijiex prassi tal-Kurja li tikkummenta dwar laqgħat u kuntatti bejn l-Isqof u s-saċerdoti tiegħu.”

More in Politika