Intervista | ‘Fis-seminarji hemm kultura ta’ omosesswalità ... ħalliet ħerba fil-Knisja’

Ma taqbilx fuq ħafna affarijiet li jgħid, anzi uħud imorru dijametrikament kontra l-linja editorjali tagħha, iżda l-ILLUM xorta tiltaqa' ma’ Dun David Muscat biex tisfidah u tistaqsih fejn irid jasal bi kliemu u għemilu

Dun David Muscat
Dun David Muscat

Sa ftit xhur ilu, ħadd ma kien jaf min hu, iżda llum sar l-aktar saċerdot kontroversjali Malti. Dun David Muscat jgħid ħafna affarijiet, xi kultant ikun xi ftit jew wisq goff jekk mhux pastaż ukoll fi kliemu, iżda ħafna għadhom ma fehmux x’qed jipprova jfisser u għalfejn qed jagħmilha man-nies li jappoġġjaw lil Norman Lowell. Anke jekk ħafna minn dak li jgħid Dun David imur kontra l-linja editorjali ta’ din il-gazzetta (aqra n-nota tal-editur aktar 'l isfel) l-ILLUM xorta tiltaqa’ miegħu biex tistaqsih fejn irid jasal u jekk hux konxju tal-effett li qed ikollu kliemu.

Bilqiegħda fir-razzett, fejn Dun David iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu, bdejt nistaqsih għalfejn f’daqqa waħda qed jidher u jitkellem fuq kollox u kullimkien.

“Kont mistieden għal attività privata l-Imġarr. Jew kelli xi flixkun inbid ġo rasi u għamilt diskors fejn kien hemm preżenti Norman Lowell. Tefgħuh fuq YouTube bil-permess tiegħi. Dak ix-xufier tal-Arriva, ta’ żmien Austin Gatt, li qed jipprova jkun is-suċċessur ta’ Daphne u li lanqas joqgħod ħdejn difirha, Manuel Delia, tefagħha fil-blog tiegħu u nfetħu bibien is-sema. Jiena mbagħad għandi d-dinjità tiegħi u ridt inwieġeb lura,” beda jgħid Dun David.

Iżda din ma kinitx attività ta’ darba. Dun David baqa’ jidher man-nies ta’ Norman Lowell li jaqbel mal-politika ta’ Hitler u jemmen li omm li jkollha tarbija b’diżabilità severa, anke mentali, għandu jkollha l-għażla li twettaq abort jew inkella li t-tarbija saħansitra tinqatel wara li titwieled. Post ta’ saċerdot huwa ma’ dawn it-tip ta’ nies?

Dun David insista mal-ILLUM li hu ma jaqbel xejn ma’ dan u lil Norman Lowell għamilhielu ċara. Iżda jibqa’ l-fatt li qed imorru jċapċpulu l-istess nies li jċapċu lil Lowell, li ma jemmnux li Hitler qatel miljuni ta’ Lhud u li saħansitra daħku meta qal li Auschwitz huwa disneyland.

“Jiena nkellem lil kulħadd,” baqa’ jinsisti.

Kien hawn li Dun David saħaq li dak li qalet Helena Dalli, li jgħajjarha “s-saħħara ta’ Wied Għafrid” huwa agħar minn dak li jgħid Lowell, għax fi kliemu, Lowell jitkellem biss fuq trabi b’diżabilità u “Dalli trid l-abort anke għat-trabi b’saħħithom.”

“Allura qed tiġġustifika dak li qed jgħid Norman?” staqsejtu mill-ewwel. “Assolutament le. Il-ħajja tibda mit-tnissil. Anke jekk b’diżabilità, tarbija għandha dritt tgħix. Jekk ma jemmnux hekk jinsewni.”

‘Kemm ilni ma’ Lowell aktar nies qed jiġu l-quddiesa tiegħi’

Dun David insista li ħafna min-nies li vvutaw lil Norman Lowell, ivvutawlu mhux għax jaqblu mal-abort ta’ trabi b’diżabilità, iżda għax jaqblu miegħu fuq l-immigrazzjoni. Fil-fatt, skont Muscat, kemm ilu ma’ ta’ Lowell, in-nies li jattendu l-quddiesa li jqaddes hu fil-kappella tal-Isperanza, żdiedu ħafna. “Fehmu li qed ngħid xi ħaġa differenti u ġdida.” 

Dun David qed jiġġustifika l-preżenza tiegħu mal-partit ta’ Norman Lowell għax mhux se jikkontesta elezzjoni oħra. Iżda ma jaħsibx li t-timbru ta’ Lowell xorta hemm qiegħed? Minn tant partiti u għaqdiet, ma’ partit razzist u Nazzist qed iħossu komdu? Staqsejtu mistoqsija ċara u sempliċi: “Int Nazzist?” “Le,” iwieġeb.

Jisħaq li Salvini għandu raġun u jiftaħ il-kanuni fuq l-Isqof Grech

Kien hawn li fisser il-famuża “żerriegħa” li fi kliemu, żera’ Lowell. Semma l-politiku Taljan Umberto Bossi, li skontu “kien imtektek,” iżda minnu ħareġ “il-partit kbir” ta’ Matteo Salvini.

Hawn waqqaftu mill-ewwel. Normalment Dun David jiġri bil-Katekiżmu tal-Knisja f’idu u jiftaħar li hu jsegwi biss lill-Papa. Iżda jaħseb li l-Papa se jċapċaplu meta jisimgħu jfaħħar lil Salvini u jgħid li għandom jingħalqu l-portijiet. Fakkartu li anke l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien ikkundanna lil Salvini għax jiġri bil-kuruna tar-Rużarju f’idu u jagħmel mod ieħor.

Baqa’ jinsisti magħna li Salvini għandu raġun. “Li trid tagħmel hu li tagħlaq il-portijiet.” 

Flok kompla jweġibni, spiċċa fetaħ il-kanuni fuq l-Isqof Mario Grech u saħaq li tkellem hekk għax irid isir Kardinal u biex jidher “ħelu” mal-Papa.

Il-Papa jikkundannah u Dun David jgħid li għandu raġun
Il-Papa jikkundannah u Dun David jgħid li għandu raġun

“Għall-grazzja t’Alla l-Isqof tiegħi huwa l-Arċisqof ta’ Malta,” saħaq Dun David. “Issa li qed iqajjem rasu l-abort baqa’ hawn mal-merħla biex jiddefendi l-innoċenti, għax ragħaj dak li hu ... u mhux meta jiġi l-lupu jdabbar rasu għal xi kappell aħmar.”

Allura Dun David x’qed jippretendi li jsir? Inħallu lill-immigranti bejn sema u ilma? Insista li hu ma jaqbilx li jitħallew jegħrqu. Huwa jemmen li dawn għandhom jitħallew jidħlu biex ma jegħrqux, iżda mbagħad, kontra kull liġi internazzjonali, jintbagħtu lura l-Afrika. Kulħadd jaf x’se jsibu ma’ wiċċhom jekk dak li qed jipproponi l-qassis iseħħ. L-ILLUM kienet irrapportat dak li jgħaddu minnu immigranti f’diversi postijiet, inkluż il-Libja. 

Dun David irid intervent militari fil-Libja

Il-Papa Pawlu VI, fil-Populorum Progressio jikteb li l-immigrazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem, iżda skont Dun David, dawk li ġejjin Malta mhumiex immigranti iżda “skjavi.” 

Staqsejtu jekk dan ifissirx li hu għandu dubju kemm dawk li jiġu bid-dgħajjes qed jaħarbu l-gwerer u l-persekuzzjoni. “Le. Ħafna minnhom huma immigranti ekonomiċi,” insista s-saċerdot. “Imbagħad meta jaslu jindunaw li hawn ma tistax tibni futur ... biex iħallsu l-kera jgħixu għaxra f’appartament ... din oppressjoni.” 

“Jekk se nibqgħu nqassmuhom fl-Ewropa, it-traffikant se jibqa’ jġib,” insista Dun David.  “Dak li qed jagħmlu l-Għarab huwa merkanzija ta’ lsiera,” kompla jgħid, waqt li insista li jaqbel dwar  intervent militari fil-Libja.

Ħafna minnhom huma immigranti ekonomiċi. Imbagħad meta jaslu jindunaw li hawn ma tistax tibni futur ... biex iħallsu l-kera jgħixu 10 f’appartament ... din oppressjoni

Waqqaftu minnufih. Possibbli jaħseb li din l-aħjar soluzzjoni? “Dan tridu wkoll Roberta Metsola li tridha tal-verġni u l-martri. Meta riedet il-voti lagħbet il-logħba tal-populiżmu. Ma nafx kemm qalet li trid suldati fil-Mediterran. Għax tgħidha Metsola mhux razzista u għax ngħidha jien razzist?”

“Iżda Metsola qatt ma qalet nibagħtuhom lura,” insistejt miegħu. “Għassa fil-baħar biex ma jersqux ’l hawn mhux qisek għalaqthom?” wieġeb.

‘L-immigranti li naraw fit-toroq inġiebu Malta biex jiġu sfruttati’

Dun David kompla jargumenta li l-barranin li naraw fuq il-postijiet tax-xogħol u fit-toroq mhumiex dak li ġew bil-baħar iżda huma immigranti “legalissimi” li nġibu Malta biex jiġu sfruttati u fi kliemu “jibnu kullimkien” minkejja li l-popolazzjoni qed tonqos.

“Fit-torrijet li jridu jibnu fl-Imrieħel jidħol Ħal Kirkop kollu. B’min se nimlewhom? Tgħid mhux bil-Maltin,” insista l-qassis waqt li tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-proprjetà li, fi kliemu, iż-żgħażagħ Maltin ma jifilħux għalihom. 

“B’elf ewro paga fejn se mmur ngħix?” kompla jistaqsi waqt li saħaq li l-ekonomija kibret għal min “kellu Ferrari u issa għandu għaxra.”

“Dik immigrazzjoni? Immigrazzjoni hija meta ħija li mar l-Awtralja u sar nies,” qal Dun David. “Qed jitilqu minn hawn jobżqu lejn din l-art.”

Wara li qal dan kollu, ma stajtx ma nerġax nistaqsih dak li ħafna nies jaħsbu dwaru u li ma ttihomx tort. Dun David razzist? “Ma naħsibx.” Insista li lil Lowell qallu ċar u tond li “iswed huwa xbieha ta’ Alla.”

Dun David imdawwar bin-nies ta' Norman Lowell
Dun David imdawwar bin-nies ta' Norman Lowell

Dun David irid li noħorġu mill-EU?

Bħal-lum ġimgħa, Dun David indirizza protesta favur li Malta tħalli l-Unjoni Ewropea. Staqsejtu dwarha iżda dar mal-lewża u ma wieġeb xejn. 

L-ewwel ikkritika l-ewro, id-direttivi tal-UE fuq il-kaċċa u deċiżjonijiet dwar il-kirjiet u li skontu se jwasslu biex 15,000 ruħ f’Malta se jispiċċaw bit-triq, imbagħad insista li jekk “Mexit” ifisser diżastru bħal “Brexit” aħjar ma nitilqu xejn.

‘L-omosesswalità ħalliet ħerba fil-Knisja’

Ma’ Dun David ma nistgħu qatt naqblu fuq il-mod kif jitkellem fuq il-komunità LGBTIQ, aktar u aktar għax bi kliemu jidher qed iwaqqa’ ċ-ċajt lil dawn il-persuni. Għamilthielu ċara mill-ewwel li mhux se nippermetti li jwaqqa’ għaċ-ċajt l-isem ta’ din il-komunità. 

“Qed tgħidli li tkellem lil kulħadd. Ma taħsibx li bi kliemek qed twaqqa’ għaċ-ċajt u tweġġa’ li dawn in-nies?” staqsejtu. “Qatt mort Gay Pride? Taf kemm jattakkawhom lill-qassisin u lis-sorijiet. Taf kemm jgħadduna biż-żmien,” wieġeb.

Iżda fakkartu li hu saċerdot u aktar minn kulħadd irid jomgħod kliemu. Ma jaħsibx li esaġera? “Le,” weġibna bla ma ħasibha. “Jiena qed nara minn dawn l-iskandli li hawn fil-Knisja, Kardinal ’l hemm u Isqof ’l hawn. Insemmilek biss lill-Kardinal McCarrick. X’ħerba ġabet fil-Knisja l-omosesswalità tiegħu,” insista Dun David.

Fit-torrijet li jridu jibnu fl-Imrieħel jidħol Ħal Kirkop kollu. B’min se nimlewhom? Tgħid mhux bil-Maltin ... B’ €1,000 paga fejn se mmur ngħix?

Kompla jgħid li hu daħal is-Seminarju ta’ 23 sena. “Rajt minn ġewwa x’hemm, il-gay subculture fis-seminarji ... f’Ruma. X’ħerba ħalliet l-omosesswalità fil-Knisja. Hemm ifferuċjajt fuq din il-kwistjoni,” saħaq.

Waqqaftlu u nsistejt miegħu li ma jistax iqabbel dak li għamel il-Kardinal McCarrick ma’ relazzjoni bejn koppja LGBTIQ. Dak li għamel McCarrick huwa ħażin għax kien min kien, kiser iċ-ċelibat u abbuża seminaristi. Huwa McCarrick il-ħażin, mhux l-omosesswalità.

“Jekk int Nisrani u trid tgħix ta’ Nisrani obbdi l-kmandamenti,” insista Dun David. 

‘Jilbsu staten u spelizez u jimxu bil-boyfriend magħhom’

Erġajt staqsejtu kif jista’ jgħid persuna li twieldet gay li qed tikser il-kmandamenti. “L-omosesswalità ma ħalaqhiex Alla,” weġibni u meta bqajt nissikkah, qalli ċar u tond li “l-omossesswalità hija dnub.”

Il-Knisja iżda tgħid li Alla huwa mħabba. L-imħabba hija xi ħaġa sabiħa u tajba. Allura kif jista’ jgħid lil żewġt irġiel li jħobbu lil xulxin li l-imħabba ta’ bejniethom hija dnub. 

“Trid tkun veru mħabba,” saħaq Dun David. “Allura qed tgħid li mħabba bejn raġel u raġel jew mara u mara ma tistax tkun ta’ vera?” erġajt staqsejtu. “Tista’ tkun, iżda ma tistax tkun imħabba erotika.”

Dun David dilettant tal-festi. Jekk iħares ħarsa madwaru jinduna li hemm ħafna rġiel gay li huma involuti fil-festi u jarmaw fil-knejjes. Lil dawn, meta jiltaqa’ magħhom x’se jgħidilhom? Mhux qed innaffarhom? “Mimlijin bihom,” wieġeb Dun David. “Jilbsu staten u spelizez u jimxu bil-boyfriend magħhom ... skandlu għall-abbatini. Jirreċtaw ta’ Kristu. Din ipokrezija kbira.”

Wara li qal dan kollu, biex jiċċara dak li jemmen fih saħaq: “Jien m’iniex kontra l-omosesswali. Jien kontra l-omosesswalità.”

Żeffen mill-ġdid il-Katekiżmu tal-Knisja. Saħaq li kitbu qaddis, il-Papa Ġwanni Pawlu II. “Fejn qiegħda d-diskussjoni fuq l-omosesswalità? Wara l-istupru, il-fornifikazzjoni, il-pornografija?” saħaq Dun David. “Tippretendi li mmur kontra t-tagħlim tal-Papa?” kompla jistaqsi, anke jekk, ngħiduha kif inhi, ma ddejjaqx imur kontra l-Papa meta jfaħħar il-politika ta’ Salvini.

‘Ma niħdux riskji fis-seminarji...’

Dejjem skont Dun David, il-Papa Franġisku u l-Papa Benedittu appellaw biex il-Knisja “ma tiħux riskju” u ma ddaħħalx omosesswali fis-seminarji. 

Fakkartu li anke qassis straight jista’ jiżbalja. Wara kollox kien hemm każijiet ta’ saċerdoti li stupraw nisa. “Imma l-maġġoranza kienu kollha rġiel ma’ subien,” baqa’ jinsisti Dun David, kważi kważi jħallat żewġ affarijiet li mhux relatati, jiġifieri l-omosesswalità u l-pedofelija.

Dun David ma rnexxilux iwieġeb lil Celine (persuna LGBTIQ) meta din sfidatu waqt Xarabank
Dun David ma rnexxilux iwieġeb lil Celine (persuna LGBTIQ) meta din sfidatu waqt Xarabank

Għal mistoqsija waħda wara l-oħra dwar jekk jaħsibx li qed iweġġa’ persuni u Nsara bħalu, Dun David wieġeb biss li hu jieħu pjaċir b’min jgħidlu l-verità. 

“Dawn il-gays ħadu kollox. Iż-żwieġ, li jrabbu t-tfal. Mhux kuntenti dawn? Neħħejna l-missier u l-omm minn fuq iċ-ċertifikati. Meta tikber ma għandekx dritt tkun taf min hu l-missier bijoloġiku tiegħek?” kompla jgħid.

L-Arċisqof qatt ma ġibidlu l-attenzjoni?

Jien u nagħmel l-intervista ħassejtni aktar qed nitkellem ma’ politiku milli ma’ qassis. Dun David ma jibżax li jiċċensurawh bħalma ċċensuraw lil Patri Mark Montebello? “L-Isqof diġà ħa d-distanza minni. Staqsiha lilu mhux lili,” saħaq.

“Minn meta mort għand Lowell għaddew ġimgħat. L-Isqof kellmek?” staqsejtu. “Qatt,” qal Dun David.

Dawn kienet tgħidhom Daphne, li kulħadd ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli għal mewtha, iżda fil-fond ta’ qalbhom jifirħu li marret id-dinja l-oħra, inkluż ħafna Nazzjonalisti, għax huma l-iżjed li qed jaqilgħu flus, inkluż mill-passaporti

Waqt Xarabank qal ukoll li jekk l-Arċisqof jagħtih il-permess, joħroġ għall-politika. Qed jaħsibha jikkontestax? “Le. Jien għaddej tajjeb. Filgħodu nqum, nieħu toast bil-bajda u te immur inqaddes nofsiegħa u mbagħad neħodha relax. Jien xi rridu dak l-inkwiet,” qal Dun David.

‘Kulħadd ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli għall-mewt ta’ Daphne’

Fl-aħħar nett tkellimna miegħu fuq il-legalizzazzjoni tal-kannabis mediċinali u d-dikriminilizzazzjoni tal-kannabis rikreattiva. Skont Dun David, minn dawn, se jispiċċaw ibatu l-bdiewa li qegħdin bil-qbiela, għax skontu l-Gvern se jispiċċa jagħti artijiet sħaħ lil dawk il-korporazzjonijiet kbar li lesti biex ikabbru l-kannabis f’Malta u jesportawha fl-UE.

“Anke f’din il-ħaġa qed jgħadduna biż-żmien,” saħaq Dun David. 

“Dawn kienet tgħidhom Daphne, li kulħadd ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli għal mewtha, iżda fil-fond ta’ qalbhom jifirħu li marret id-dinja l-oħra, inkluż ħafna Nazzjonalisti, għax huma l-iżjed li qed jaqilgħu flus, inkluż mill-passaporti,” temm jgħid Dun David. “Ma hemm xejn li hu moħbi li ma jinkixifx.”

Nota tal-editur dwar il-kummenti u t-tweġibiet ta' Dun David

Biex niċċaraw. Din il-gazzetta hija assolutament kontra wħud mill-argumenti li qed jagħmel Dun David Muscat. Minkejja dan, temmen li ideat bħal dawn li semgħuhom tant Maltin u Għawdxin għandhom ikunu sfidati. 

Biex inwieġbu: hija tal-mistħija li qassis, illi suppost jgħallem l-imħabba lejn il-proxxmu, f’din l-intervista qiegħed jappella biex l-immigranti jintbagħtu lura l-Libja, mingħajr eċċezzjoni, għat-tortura u l-ksur sfaċċat tad-drittijiet umani. Tfittxija sempliċi fuq l-internet turik eżatt x’martirju qed jgħaddu minnu ħafna immigranti f’dan il-pajjiż. 

X’kontradizzjoni! Dun David juża t-tagħlim kattoliku fejn irid u fejn jaqbillu. Għall-omosesswalità jikkwota lill-Papa, imma fejn tidħol il-ħajja u d-dinjità umana ta’ raġel jew mara sewda, għal dawk addio Papiet u Kattoliċiżmu!

Imbagħad, iċ-ċirasa fuq il-kejk. Iwaħħal fl-omosesswalità għal qassisin omosesswali jew pedofeli. 

L-ewwel nett jekk lanqas biss tgħallem id-differenza bejn omosesswalità u l-pedofelija, għandu bżonn jerġa’ jmur l-iskola tan-nuna! 

It-tieni nett, jekk hemm xi ħadd li jaħti għall-qassisin omosesswali, hija l-Knisja stess li oppressat l-omosesswalità għal deċenji sħaħ. Tant li ħafna omosesswali sabu refuġju taħt l-ispellizza biex jaħbu min huma!

Min għandu widnejn ħa jisma' (Karikatura ta' Mikiel Galea ppubblikata fuq il-gazzetta ILLUM)
Min għandu widnejn ħa jisma' (Karikatura ta' Mikiel Galea ppubblikata fuq il-gazzetta ILLUM)

More in Politika