'Dawk li ma jingħatawx ażil għandhom jintbagħtu lura pajjiżhom mill-ewwel' - Delia

Il-Kap tal-PN jistaqsi kif fiċ-ċentru miftuħ kien hemm pulizija wieħed biss u jsostni li Muscat ibiddel id-diskors fuq l-immigrazzjoni, skont il-voti

Adrian Delia
Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta kien qed ikun intervistat fuq Net FM, qal illi kull min ma jingħatax dritt tal-ażil għandu jintbagħat lura pajjiżu bl-aktar mod effiċjenti u malajr. Delia kien kritiku tal-Gvern fuq din il-kwistjoni u akkuża lil Muscat illi jbiddel id-diskors skont fejn jaqbillu u skont kif se jġib l-akbar ammont ta' voti. 

"Meta ħareġ bl-għajta tal-pushback għamilha għax hekk ħass li kellu jagħmel biex jikseb il-voti, ara issa dawwar id-diska," qal Delia. 

Huwa sostna illi dan il-Gvern qed jimporta l-iskjavitù, "ara aħna nemmnu li nġibu barranin ta' snajja', b'esperjenzi varji ħalli nikbru flimkien, immorru barra nġibu l-esperjenzi u jiġu hawn huma u jieħdu l-esperjenzi huma wkoll. Mela mhux diġà għamilna hekk f'pajjiżna? Mela llum telgħet ix-xemx? Aħna ma rridux nagħmlu bħal dan il-Gvern, nimpurtaw l-iskjavitù, ta' nies li jiħallsu bix-xejn u jiffullaw il-proprjetajiet tagħna," sostna l-kap tal-PN. 

'Tafu kemm kien hemm puliżija għassa fiċ-ċentru miftuħ? Wieħed. Aħjar il-PM jgħidilna x'qed jagħemel hu biex jagħti s-serħan tal-moħħ Adrian Delia

Delia kompla jinsisti li qatt ma kien hawn immigranti f'pajjiżna, daqs illum u wieġeb lil Muscat illi iktar kmieni din il-ġimgħa akkużah li qed iġelled lill-Maltin mal-barranin. Il-Kap tal-Oppożizzjon sostna li huwa l-Gvern li "qed jitfa' pressjoni fuq l-infrastruttura u fuq il-kirjiet u l-qasam tax-xogħol. Huwa dan li qed twassal għal tensjoni soċjali."

F'dan il-punt huwa reġa' sostna li "dawk li ma ħaqqhomx ażil għandhom jintbagħtu lura. Irid ikollna skrutinju ta' kull bastiment li qed jintuża mill-kriminali u mhux kull darba li jinqala' bastiment noqogħdu niġġieldu mal-ġirien u kollox ad hoc. Irid ikun hemm sistema." 

Fuq l-immigrazzjoni temm jistaqsi; dwar l-inċident ta' nhar il-Ħadd li għadda: "tafu kemm kien hemm pulizija għassa fiċ-ċentru miftuħ? Wieħed. Aħjar il-PM jgħidilna x'qed jagħmel hu biex jagħti s-serħan tal-moħħ."

'Ir-roadmap saret għall-ftit magħżulin' 

Dwar l-edukazzjoni Delia qal li l-għalliema huma umiljati filwaqt li Malta għandha "l-agħar riżultat f’dak li jirrigwarda l-waqfa kmieni mill-iskola." Hu jfakkar li dan ifisser illi ħafna nies ma jaqligħux pagi tajbin u jispiċċaw jikkompetu maċ-cheap labour.

Hu reġa' semma diversi oqsma fosthom is-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni li attira l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern. “Il-Gvern ma ħoloqx setturi oħrajn, imma bena fuq li sab. Imma mbagħad meta għadda ż-żmien ir-roadmap ma baqgħetx għal pajjiżna imma saret għal ftit magħżulin,” sostna Delia.

Il-Kap tal-PN qal li Muscat baqa' jafda u jikkonsolida lil dawk li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna, f’liema punt semma l-ftuħ tal-kumpaniji mhux iddikjarati fil-Panama mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.

More in Politika