Casa jikteb lill-Kummissarju Ewropew biex l-UE tissospendi l-Programm taċ-Ċittadinanza

Fl-ittra lill-Kummissarju Vera Jourova, Casa saħaq li qiegħed jitkellem f'isem il-maġġoranza tal-Maltin u ċ-ċittadini Ewropej imħassba

L-Ewroparlamentari David Casa kiteb lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Vera Jourova, biex ikun sospiż il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.

Casa għamel din it-talba wara dibattitu Parlamentari lbieraħ, li matulu, id-Deputat Karol Aquilina saħaq li hemm ħames persuni li xtraw il-passaport Malti u li huma akkużati bi frodi, traffikar u l-kriminalità.

“Dan huwa t-talent li ġibna lejn Malta,” qal lid-Deputati.

Kien dan li wassal lil Casa biex jitkeb lil Jourova jisħaq li qed jikber it-tħassib fuq il-proċess tal-evalwazzjoni li qiegħed isir meta persuni jiġu biex jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Fl-ittra tiegħu, Casa fakkar lill-Kummissarju Ewropew fil-każ ta’ Chetcuti Cauchi u kif wieħed mill-aġenti tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment jidher u jinstema’ jiftaħar b’rabtiet li għandu ma’ uffiċjali tal-Gvern, inkluż mal-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-IIP, Julia Farrugia Portelli.

Fakkarha wkoll fl-aktar każ riċenti, jiġifieri dak taċ-ċittadin Iżraeljan Anatolu Hurgin li xtara l-passaport Malti fl-2016 u issa qed jiffaċja akkużi serji ta’ frodi kemm f’pajjiżu u anke fl-Istati Uniti.

Casa insista li każ wara l-ieħor juru kif din l-iskema serja ħażin. Huwa insista li dan il-Programm u programmi oħra simili fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed jiftħu l-bibien lil dawk li l-intenzjoni tagħhom hija li jkabbru l-attività kriminali tagħhom, inkluż il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata.

Casa saħaq li ħafna wiegħdi tal-Gvern Malti ma swew għalxejn u “s-sitwazzjoni serja mill-ħażin għall-agħar kuljum.”

“Nemmen li qed nitkellem f’isem il-maġġoranza taċ-ċittadini mħassba kemm f’Malta u anke fi Stati Membri oħra, meta qed nitlob is-sospensjoni tal-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti,” temm jikteb Casa.

More in Politika