'Għad hemm immigranti tfal li l-Gvern ma jafx kemm għandhom żmien' - Akkademiċi

F'ittra, l-akkademiċi qed jitolbu lill-Ministru Michael Falzon biex jonora l-obbligazzjoni tiegħu u joffri protezzjoni speċjali lit-tfal fiċ-ċentri tal-immigranti

Numru kbir ta’ akkademiċi tal-Università ta’ Malta, kitbu lill-Ministru responsabbli mid-drittijiet tat-tfal, Michael Falzon biex jieħu l-passi kollha neċessarji biex joffri protezzjoni speċjali lil tfal immigranti residenti fiċ-ċentri f’Ħal Far, Ħal Safi u l-Marsa.

Fl-ittra, maħruġa mill-Fakultà għall-Benessri tas-Soċjetà, l-akkademiċi juru t-tħassib tagħhom għall-fatt li għad hemm każijiet ta’ tfal fiċ-ċentri li ħadd ma jaf kemm għandhom żmien.

Filwaqt li saħqu li jifhmu li dan il-proċess huwa wieħed tekniku u jirrikjedi persuni professjonali, appellaw lill-Ministru biex sakemm isir l-assessjar, bħala Ministru responsabbli mit-tfal, jassigura li dawn jingħataw il-protezzjoni li hija dritt tagħhom skont il-liġi.

“Inċidenti bħal dawk ta’ Ħal Far joffru riskju serju għall-ħajja, is-saħħa u l-psikoloġija ta’ dawn it-tfal,” kitbu l-akkademiċi u għalhekk qed iħeġġuh joffrilhom “protezzjoni speċjali” u joffrilhom kenn sigur.

L-akkademiċi saħqu li ħafna minn dawk it-tfal assessjati għadhom suġġett għad-detenzjoni u huma nieqsa minn protezzjoni adegwata.

Huma fakkru lill-Ministru li addoloxxenti ta’ 16 u 17-il sena ma għandhomx jitħallew jgħixu ma’ adulti f’dawn iċ-ċentru u għandhom jingħataw il-protezzjoni u l-għajnuna umanitarja kollha li hi neċċessarja.

Saħqu li dak kollu li qed jgħidu huwa stabbilit iswed fuq l-abjad l-Att dwar il-Care Orders tal-Ġnus Magħquda.

Fost dawk li ġew arrestati u tressqu l-Qorti b’rabta mal-irvell fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, kien hemm żgħażagħ taħt l-età.

More in Politika