Imut Charlie Borg 'is-sunnara' magħruf bħala l-ispalla ta' Eddie Fenech Adami

Ħafna jiftakru lis-Sunnara dejjem biswit Fenech Adami waqt il-Mass Meetings u mhux l-ewwel darba li refgħu fuq spallejh biex jgħaddi minn qalb il-folla

Charlie Borg eżatt wara Eddie Fenech Adami waqt il-famuż meeting tal-Barrani
Charlie Borg eżatt wara Eddie Fenech Adami waqt il-famuż meeting tal-Barrani

Tħabbret il-mewt ta' Charlie Borg, magħruf bħala 's-Sunnara' u li ħafna jafuh bħala l-id il-leminija tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Ħafna jiftakru lis-Sunnara dejjem biswit Fenech Adami waqt il-Mass Meetings u mhux l-ewwel darba li refgħu fuq spallejh biex jgħaddi minn qalb il-folla.

Kien saħansitra wkoll ix-xufier tal-eks Prim Ministru.

Persuni li kienu jafu lil Charlie Borg qalu ma' dan is-sit li l-eks Prim Ministru kellu stima kbira lejn is-Sunnara.

Spjegaw kif is-Sunnara kien jagħmilha ma' ħafna nies u fil-ħwienet tal-kafe kont tarah jisma' u jistaqsi lin-nies kif jaħsbuha fuq diversi temi biex imbagħad kien jinforma lil Fenech Adami b'dak kollu li jkun qiegħed jintqal.

"Fenech Adami kien kważi kważi jippreferi joqgħod fuq dak li jgħidlu s-Sunnara dwar is-sentimenti tan-nies milli jemmen is-surverys dwar l-opinjoni pubblika," qalilna persuna li kienet taf lil Borg.

Ħafna jiftakru wkoll il-każ meta l-Assistent Personali ta' Eddie Fenech Adami, Richard Cachia Caruana kien ingħata daqqiet ta' sikkina.

Charles Borg tista' tgħid li kien strumentali biex issolva dan il-każ. Kien hu li laqqa' lil Fenech Adami ma' Joseph Farrugia, magħruf bħala 'Żeppi l-Ħafi," li kien kixef informazzjoni dwar l-attentat ta' qtil ta' Cachia Caruana.

More in Politika