'Mhux aċċettabbli li ħaddiema jkunu esposti għal riskji sforz l-irresponsabbiltà'

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt li fetaħ seminar dwar l-użu tal-pestiċidi

"Irridu nassiguraw li kull min jaħdem jingħata kundizzjonijiet xierqa u ambjent sigur li jħares is-saħħa fiżika u psikoloġika tal-impjegati kollha," qal il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt li fetaħ seminar dwar l-użu tal-pestiċidi organizzat mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Zammit Lewis saħaq li din ukoll hi materja ta’ ugwaljanza għax kull ħaddiem jistħoqqlu xogħol diċenti li jirrispetta d-dinjità tal-persuna. “Dan hu dak li nfissru b’ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett”.

Mhux aċċettabbli li ħaddiema f’ċerti kumpaniji jkunu esposti għal ċerti riskji sforz l-irresponsabbiltà waqt li l-kollegi tagħhom fl-istess industrija jaħdmu f’ambjent sigur. Daqs kemm hu inaċċettabbli li ħaddiema jiġu sfruttati hekk ukoll hu inaċċettabbli li jkunu esposti għal riskji bi traskuraġni.

“Din hi diskriminazzjoni u bħala ministru rrid nelimina kwalunkwe forma ta’ inugwaljanza li tippersisti fis-soċjetà tagħna, inkluż fuq il-post tax-xogħol”.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu li jinvesti fir-riżorsi umani tal-Awtorità biex jiżdied l-infurzar iżda fuq kollox tiżdied l-edukazzjoni f’kuntest ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel kuljum.

More in Politika