Il-PN jipproponi li kull sahra jew xogħol part-time jiġu intaxxati mhux aktar minn 10%

Delia jisħaq li din il-proposta se tħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar il-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista f’dokument ippubblikat qabel il-baġit: A Balanced Economy, A Sustainable Society.

F’kollegament fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia tkellem dwar il-100 proposta li ressaq il-PN, fosthom biex kull sahra jew xogħol part-time ma jkunx intaxxat aktar minn 10%.

“Din hi proposta maħsuba biex tħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.

Huwa insista li f’dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista analizza s-sitwazzjoni, ra x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċja l-pajjiż u ppropona soluzzjonijiet.

“Dan meta l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni liema mudell ekonomiku qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi,” kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni. “Għandna Gvern b'politikali ffukata fuq l-immedjat mingħajt ma tqis il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

Kien hawn li kkritika l-Gvern, għax fi kliemu, dan ġelled l-ekonomija mal-ambjent u ħoloq pajjiż b’rata allarmanti ta’ tniġġis u konġestjoni.

“Gvern immexxi mill-PN jbiddel dan kollu,”qal Delia.

Dwar il-każ tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment u dak li żvelaw ġurnalisti Franċiżi, Adrian Delia fakkar li l-PN kiteb lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, il-PAC, sabiex minnufih jifli l-każ, filwaqt li jħarrek u jisma' x-xhieda tal-persuni kollha nvoluti u jitlob id-dokumenti kollha meħtieġa.

"Għal dawn l-iskandli li ġew żvelati mill-midja, huwa responsabbli politikament il-Prim Ministru Joseph Muscat," tenna Delia.

 Insista ldan qed itappan ir-reputazzjoni ta' Malta u jpoġġi eluf ta' impjiegi f’riskju.

More in Politika