Il-PD jgħid li l-portafoll tal-ugwaljanza ma jagħtix ġieħ lil Malta

Il-PD jisħaq li dan il-portafoll huwa l-aktar wieħed dgħajjef li qatt ingħatat Malta u jixhed li l-istatura ta' Malta ma għadhiex li kienet

Il-Partit Demokratiku ma tantx huwa kuntent li l-Kummissarju Ewropew Malti ngħatat il-portafoll tal-Ugwaljanza u saħansitra saħaq li dan “dan ma tantx jagħtina ġieħ.”

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li dan il-portafoll huwa ferm iżgħar minn responsabbilitajiet oħra li ġieli ngħatat Malta.

“Il-portafoll tal-Ugwaljanza li ngħatat Malta ma tantx tagħtina ġieħ, billi se tkun qed tieħu ħsieb parti żgħira ħafna minn dak li darba kien portafoll tal-Politika Soċjali u m’hemm l-ebda Direttur Ġenerali li jirrapporta lilha,” kiteb il-PD.

Huwa saħaq li dan juri it-tnaqqis fl-istatura ta’ Malta.

“Dan il-portafoll ma jistax jinfluwenza direttament l-immigrazzjoni, il-gaming, l-ekonomija, il-finanzi, l-ambjent, it-taxxa, is-sajd, il-kummerċ jew is-servizzi finanzjarji. Dawn huma setturi importanti ħafna għal Malta. Dawn huwa l-aktar portafoll dgħajjef li qatt ingħatat Malta,” insista GodfreyFarrugia.

Il-PD fakkar ukoll li xhur ilu, il-Prim Ministru Malti ma ħax pożizzjoni fl-Unjoni Ewropew. “Issa ngħatajna portafoll ta’ Kummissarju li jixhed in-nuqqas ta’ prestiġju għal pajjiżna,” kompla jisħaq.

Huwa saħaq li dan huwa riżultat tal-fatt li l-Gvern ma mexiex kif kellu jimxi fl-iskandli “li ħammrulna wiċċna."

“Din hija prova oħra li l-gvern ta’ Dr Muscat m’għandux l-istima neċessarja fl-istituzzjonijiet Ewropej,” temm jgħid il-PD.

More in Politika