Helena Dalli se tkun responsabbli mill-Ugwaljanza fl-UE

Dalgħodu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret ir-responsabbilitajiet tal-Kummissarji proposti

Helena Dalli, il-persuna li Malta qed tipproponi għall-Kummissarju Ewropew, jekk tgħaddi mill-grilling se tkun responsabbli mill-Ugwaljanza, rwol li żgur mhux ġdid għaliha hekk kif kienet hi li f'Malta mexxiet 'il quddiem drittijiet ċivili b'suċċess primarjament iż-żwieġ ugwali u l-Liġi dwar l-identità tal-ġeneru.

Ħabbret dan, il-President il-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbret it-tim il-ġdid tal-Kummissjoni l-ġdida.

Von der Leyen saħqet li tixtieq Kummissjoni Ewropea li taħdem favur ekonomija soda għall-Unjoni Ewropea u li bil-ħidma tagħha tpoġġi lill-UE  f'pożizzjoni aktar b'saħħitha fid-dinja.

Ħabbret li l-Viċi Presidenti se jkollhom rwol doppju hekk kif anke dawn se jkunu Kummissarju. Fil-fatt, dawn se jkunu responsabbli minn dawk li hi sejħitilhom il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea.

Helena Dalli ġiet innominata mill-Gvern Malti fl-24 ta' Lulju li għadda u ftit wara hija rriżenjat minn Minstru għall-Ugwaljanza u l-Affarijiet Ewropej.

Jekk tkun approvata, Dalli se tkun qed tieħu post il-Kummissarju Ewropew uxxenti Karmenu Vella li kien responsabbli mill-Ambjent.

'Din in-nomina hija turija ta’ fiduċja f’Malta'

Intant, fi stqarrija, il-Gvern saħaq l huwa ċar li l-President elett tal-Kummissjoni Ewropea għażlet lil Dalli minħabba r-riżultati eċċellenti li ħadmet għalihom u li kisbet diġà f’dan is-settur.

"Din in-nomina hija turija ta’ fiduċja f’Malta li f’dawn l-aħħar snin wettqet bidla pożittiva u llum pajjiżna huwa meqjus bħala ‘a beacon of hope’ kif deskritt minn numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali rispettati," insista l-Gvern fi stqarrija.

Aqra wkoll:

More in Politika