‘Ma kien hemm l-ebda żieda' ... Il-Gvern jisħaq u jispjega kif il-Kabinett qed jitħallas inqas

Dan wara kontroversja li nqalgħet fl-aħħar sigħat dwar is-salarji tas-Segretarji Parlamentari u l-kummenti ta' Jason Azzopardi

Wara l-kontroversja li qamet ilbieraħ dwar il-pagi li ddikkjaraw is-Segretarji Parlamentari, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha spjega u saħaq li ma kien hemm l-ebda żieda fis-salarji tal-politici.

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li s-salarju ta’ Segretarju Parlamentari baqa’ 105% ta’ skala wieħed tas-Servizz Pubbliku u li l-uniku bidliet kienu attribwibbli fiż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jiġifieri ż-żidiet li jingħata kulħadd u anke skont il-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku.

Il-Gvern saħaq li xhieda ta’ dan huma d-dikjarazzjonijiet tal-assi mill-2008 sal-lum u kull rekord ieħor li juri x’tip ta’ dħul kellhom il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tul l-aħħar għaxar snin, u li l-Gvern ippublika mal-istqarrija (ara aktar ‘l isfel.)

“Ta’ min jinnota kif f’Marzu tal-2008, il-gvern kien iddeċieda li jżid is-salarji tal-Membri tal-Kabinett minn wara dahar il-poplu. Għalhekk fl-2009 u fl-2010 il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ddikjaraw li qalgħu iktar minn €80,000,” saħaq il-Gvern fl-istqarrija.

L-istqarrija tkompli tisħaq li fid-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kabinett għall-2008, iċ-ċifra tidher inqas minn hekk għax il-famuża żieda ta’ €500 fil-ġimgħa kienet daħlet wara l-elezzjoni generali ta’ Marzu 2008.

“Fis-snin ta’ wara, jiġifieri fl-2011 u fl-2012, id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma differenti. Dan għaliex il-Prim Ministru ta’ dak iz-żmien kien l-ewwel naqqas, imbagħad neħħa ż-żieda wara r-rabja li kienet qamet fil-pajjiż,” kompla jispjega l-Gvern.

L-istqarrija tfakkar li wara l-2013, Gvern Laburista "żamm mal-wiegħda tiegħu" li l-Ministri u Segretarji Parlamentari jitħallsu biss l-istess livelli ta’ salarju li kien jeżisti qabel il-bidliet ta’ Marzu 2008. 

Mhux talli ma kienx hemm żieda talli qed idaħħlu inqas, jgħid il-Gvern...

Il-Gvern insista wkoll li meta mqabbel mal-2008-2013 tnaqqas ukoll l-ammont ta’ allowance li bdew jieħdu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. 

“Dan ifisser li dikjarazzjoni tal-assi ta’ Segretarju Parlamentari llum turi li qed jitħallas €22,000 inqas minn kemm kien jaqla' bejn l-2008 u l-2010 meta kien hemm iż-żieda tal-onorarja fis-seħħ,” saħaq il-Gvern.

B’referenza indiretta għall-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Gvern insista li “min fl-aħħar jiem allega li kien hemm xi żieda fis-salarju tas-Segretarji Parlamentari” għamel dan wara li qabbel dak li Segretarju Parlamentari daħħal fl-2017, “meta daħal fil-kariga f’Ġunju,” ma’ dak li ddikjara għal sena sħiħa fl-2018.

“Wara li rriżulta dan, minflok ammetta l-iżball, kompla jħawwad bit-tama li jingħata r-raġun. Iżda l-fatti urew mod ieħor,” saħqet l-istqarrija.

Għalhekk, il-Gvern temm jisħaq li ma kien hemm l-ebda żieda fil-pagi tas-Segretarji Parlamentari u ebda membru ieħor tal-Kabinett mill-2013 ‘il quddiem, li s-Segretarji  Parlamentari għandhom dħul ta’ eluf ta’ ewro inqas minn kemm kienu bejn l-2008 u l-2010 u li l-allowance li jingħataw is-Segretarji Parlamentari tnaqqas ukoll meta mqabbel ma’ kif kien fi żmien amministrazzjoni preċedenti.

Aqra wkoll:

More in Politika