'Il-Poplu Malti għandu jibqa' juri li għandu l-valuri nsara tiegħu f'posthom' - PN

Finalment hu appella sabiex il-Gvern jaġixxi fis-sewwa u jagħti lezzjoni lill-UE

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li fid-dawl tal-aħħar komplikazzjonijiet fil-Mediterran, il-poplu Malti għandu jibqa’ juri li hu poplu b'valuri nsara  f’posthom.

Hu kompla jisħaq li l-poplu Malti għandu jibqa’ wieħed li ma jabbandunax dak li jagħti sokkors lil min ħaqqu. “Is-Solidarjetà, l-altruiżmu u l-karità kienu u għandhom jibqgħu dejjem elementi li jsawwruna. Ma għandniex niżbaljaw f'dan bħal ma qed naraw għaddej fil-ġenn politiku ta' oħrajn.”

Żied jgħid li, “nifhmu d-diffikultajiet u l-komplikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, imma m'għandux jkun hemm skużi quddiem bnedmin bħalna. Hija tal-mistħija li l-art li tiftaħar b'kemm tiddefendi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ħadd ma jiċċaqlaq.”

Finalment hu appella sabiex, "il-Gvern jaġixxi fis-sewwa, jagħti lezzjoni lill-UE kollha u jassigura li l-persuni li huma vulnerabbli, tfal , nisa, anzjani u dawk li qegħdin ħażin jingħataw l-assistenza u jinġiebu f’pajjiżna.

L-istqarrija ġiet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight, s-segretarja Internazzjonali tal-PN.

More in Politika