Il-PD wkoll jgħid li l-għażla tal-President biex imexxi r-riformi kostituzzjonali 'mhix f'waqtha'

'Il-karrettun tpoġġa qabel iż-żiemel. Il-konsultazzjoni pubblika kellha ssir wara li titwaqqaf il-Konvenzjoni Kostituzzjonali'

Il-Partit Demokratiku (PD) fi stqarrija sostna li jinsab konvint li l-għażla tal-President George Vella għas-sejħa tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali "mhix f'waqtha u mhix il-mod kif nimxu 'l quddiem."

B'hekk il-PD qed jiżdied ma' Repubblika li fl-aħħar ġranet ukoll sostniet li mhuwiex post Vella biex imexxi r-riforma kostituzzjonali. 

"Il-karrettun tpoġġa qabel iż-żiemel. Il-konsultazzjoni pubblika kellha ssir wara li titwaqqaf il-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Din ir-riforma diġà waqgħet vittma ta’ falza stikka diversi drabi," sostna l-PD.

“Hemm riskju li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jkun wieħed falz ġaladarba l-impenn tal-iSteering Committee għal din ir-riforma xehed li huwa dubjuż u għandu xamma ta’ ftehim suspettuż diġà impost mill-Gvern. Mhux biss, dan il-Kumitat ma jistax jiġi fdat b’sottomissjonijiet mressqa mill-pubbliku għax dan mhux il-mandat tiegħu,” stqarr Godfrey Farrugia.

Il-PD jinnota li t-terminu ta’ żmien għas-sottomissjonijiet mill-pubbliku hu limitat wisq u l-komunità assolutament. mhix milħuqa 

“Għandna Gvern li mingħalih li għandu xi dritt divin li din ir-riforma jwettaqha kif jiddetta hu. Ir-riforma hi tan-nies mhux tal-politiċi. Wieħed kien jistenna li t-termini ta’ riferenza u l-mandat għall-Konvenzjoni ġew stabbiliti u mħabbra żmien ilu, u kampanja edukattiva kontinwa kellha tinbeda sabiex in-nies kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv,” stqarr Marcus Lauri.

“L-Eżekuttiv diġà poġġa fuq l-mejda tal-Kamra  erba’ abbozzi li jittrattaw is-separazzjoni tal-poter u qed jirrombla bl-aġenda tieghu minn lat differenti minn dak mibdi mill-Uffiċċju tal-President,” stqarr Timothy Alden.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Partit Demokratiku minn dejjem kien favur Riforma Kostituzzjonali.

"Din is-sena, il-PD diġà wassal żewġ dokumenti lill-Uffiċċju tal-President u se jkompli jitkellem dwar dak kollu li ż-żewġ partiti l-kbar iħallu barra għax it-tali bidliet ma jkunux fl-interess tagħhom."

More in Politika