L-ERA tappella minn permess għal villa li tgħid li se jagħmel sfreġju

L-ERA sostniet illi dan l-iżvilupp approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar ser joħloq impatt viżiv qawwi u se jisfreġja tarf l-irdum

l-Awtorità tal-Ippjanar
l-Awtorità tal-Ippjanar

Fi stqarrija l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet illi sottomettiet appell minn deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar li biha ġie approvat, żvilupp ta’ villa qrib Sqaq Anton Mallia, iż-Żebbuġ, Għawdex.

L-iżvilupp kif propost, skont l-ERA, se jeradika kompletament tarf l-irdum u jifformalizza sit li bħalissa huwa pristin, filwaqt li joħloq belveder għall-użu privat.

"Is-sit li fih jinsab l-iżvilupp propost huwa sensittiv u l-iżvilupp imur kontra l-objettivi tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED)," qalet l-istqarrija tal-ERA. 

L-ERA sostniet illi dan l-iżvilupp ser joħloq impatt viżiv qawwi u se jisfreġja tarf l-irdum. Dan l-istess tħassib kien imqajjem ukoll mis-Sovrintendentza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) li bħala konsulenti esterni ukoll oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp u saħqu li se jinħoloq impatt viżiv qawwi.

Quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-ERA qed topponi l-fatt li mingħajr ebda spjega, il-Kummissjoni tal-Ippjanar injorat dak li kien mressaq quddiemha mill-Case Officer tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-konsulenti esterni u minn dawk li oġġezzjonaw. Barra minn hekk, il-Kummissjoni approvat dan il-permess mingħajr ma’ kellha quddiemha l-informazzjoni kollha li kienet mitluba lill-applikant waqt il-proċess mill-ERA, mid-Design Advisory Committee u saħansitra mid-Direttorat tal-Ippjanar.

L-ERA sostniet li l-Kummissjoni injorat il-fatt li tliet kwarti tas-sit jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp.

"L-ERA temmen li l-Kummissjoni kienet selettiva u ikkonsidrat biss il-parti tal-iżvilupp li tinsab fiż-żona ta’ żvilupp. Il-proposta għall-iżvilupp kellha tiġi evalwata bil-policies kollha applikabbli, inkluż dawk li jirrigwardaw l-ODZ.

More in Politika