Tempju taħt l-art iwaqqaf ix-xogħol fuq Hangar

Jieqaf ix-xogħol fuq il-hangar tal-SR Technics hekk kif instabu fdalijiet ta’ tempju tad-Debdieba

Din il-gazzetta tista’ tiżvela kif xogħol fuq il-hangar il-ġdid tal-SR Technics kellu jieqaf minħabba skoperta ta’ fdalijiet storiċi li qed jindikaw tempju Neolitiku. Dan it-tempju Neolitiku huwa magħruf bħala tad-Debdieba u kien kiteb dwaru għall-ewwel darba Thomas Ashby fl-1914.

Il-hangar tal-SR Tehnics jinsab biswit il-hangar tal-Lufthansa Technic li nbena fl-2007. L-indikazzjonijiet li qed juru illi l-fdalijiet jieqfu ħesrem mal-bini tal-Hangar tal-Lufthansa, fejn hemmhekk, jifred iż-żewġ binjiet separati, hemm pedament mimli u mgħotti bil-konkos li qed iqajjem tħassib fost numru ta’ storiċi. Mhuwiex ċar għalhekk jekk il-fdalijiet li għadhom kif instabu jkomplux taħt il-hangar tal-Lufthansa Tehnic u allura  jekk ġewx midfuna u meqruda waqt l-iżvilupp tal-hangar fl-2007.

Din il-gazzetta bagħtet sett ta’ domandi lil Joseph Magro Conti li hu Sovritendent tal-Patrimonju Kulturali.

Lil Conti staqsejnieh dwar l-aħħar żviluppi fl-eżaminazzjonijiet ta’ din l-iskoperta u jekk jeskludix li waqt il-bini tal-Hangar tal-Lufthansa ġewx mirduma jew meqruda fdalijiet storiċi. Minkejja d-diversi attentati ta’ komunikazzjoni, email u bosta telefonati matul perjodu ta’ ġimagħtejn, sal-ħin tal-pubblikazzjoni, Conti baqa’ ma rrispondiex id-domandi tal-ILLUM.

Intant f’kummenti ma’ din il-gazzetta l-Kap Eżekuttiv uxxenti tal-Malta Enterprise, Mario Galea, ikkonferma li x-xogħol fuq is-sit tal-SR Tehchnics jinsab sospiż b’mod temporanju sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ dan il-hangar ma jipperikolax il-fdalijiet storiċi li qegħdin jiġu eżaminati.

Minkejja dan, huwa qal li s-sit se jibqa’ fejn hu iżda issa l-pjanijiet tal-hangar se jiġi emendati sabiex dan kollu jiġi żgurat. “Għandna dmir li nissalvagwardjaw il-patrimonju Malti u ċertament li se nagħmlu dan. Nistgħu nagħmlu emendi fil-pjanijiet sabiex dawn is-sejbiet jiġu ssalvagwardjati u fl-istess waqt jinbena l-hangar,” saħaq Galea.

Ashby u Zammit kienu qalu li l-fdalijiet huma simili bħal dawk fl-Ipoġew ta' Ħal Saflieni

L-ewwel ħjiel ta’ dan it-tempju kienu ħarġu minn skavar li għamel it-tabib Ingliż Thomas Ashby waqt żjara ta’ ġimgħa fuq il-gżejjer Maltin lura għal Ottubru tal-1914. Dakinhar Sir Temi Zammit kien indikalu żona inkwistjoni u wara diversi eżerċizzji arkeoloġiċi, Ashby kien irnexxielu jirrapporta dwar dak li kien sab f’artiklu ppubblikat fil-ġurnal MAN (A Monthly Record of Anthropological Science). Fil-kitba tiegħu, Ashby kien indika li dik il-biċċa art żgħira mikxufa ma kinitx tikkorrispondi mad-daqs ta’ tempji Megalitiċi tipiċi u għalhekk indika li partijiet minn dan it-tempju għad iridu jiġu skavati. Fl-istess waqt hu kien qal li mhux magħruf kemm minn dan it-tempju kien spiċċa meqrud waqt il-kostruzzjoni tat-triq.

Minkejja dan huwa kien spjega li, “l-akbar fattur li jindika għat-tempju Neolitiku huwa l-ħajt li nstab fiċ-ċentru taż-żona, kompost minn żewġ ġebliet mhux kbar wisq fid-daqs,” kiteb Ashby.

Wieħed irid jinnota wkoll is-sejbiet arkeoloġiċi li saru waqt l-istess ġimgħa u li ġew imniżżla minn Sir Temi Zammit. Fost l-oħrajn huma kienu sabu ammont sostanzjali ta’ vażuni kbar u żgħar tal-perjodu Neolitiku u li kienu kważi identiċi għal dawk li kienu nstabu fit-tempju ta’ Ħal Saflieni. Instabu wkoll, diversi affarijiet tal-fuħħar u fdalijiet ta’ tip ta’ bricks b’lewn ħamrani.Hu mifhum li xi ftit minn dawn il-fdalijiet kienu ġew ippreservati f’xi mużew ġewwa l-Belt Valletta.

Għaldaqstant, snin wara, fis-70ijiet hu mifhum li din il-parti kienet intradmet ukoll fil-bini tal-runway il-ġdida fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta

Lura għall-2007, il-gazzetta oħt MaltaToday kienet ippubblikat storja bit-titlu, “Forgotten ancient temple leads to ‘inspection’ at Lufhansa Technik site.” Dakinhar il-gazzetta kienet irrapportat li fid-dawl tal-iżvilupp propost mill-Lufthansa Technik, is-Supretendenza għall-Wirt Kulturali kienet qiegħda tisħaq għall-aktar studji. Min-naħa l-oħra, il-MEPA kienet baqgħet tinsisti li l-iżvilupp jinsab 450 metru ’l bogħod mit-tempju. Minkejja t-tħassib u r-rapporti fil-midja, il-permess għall-bini tal-hangar tal-Lufthansa kien ingħata l-barka mill-MEPA fi żmien erbat ijiem. 

More in Politika