L-ERA tappella deċiżjoni tal-PA dwar binja ta' villa bil-pixxina f'Wied il-Għomor

L-ERA tappella minn permess li se jfisser illi binja mitluqa f'Wied il-Għomor ssir farmhouse bil-pixxina

Wied il-Għomor
Wied il-Għomor

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) appellat deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar, quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) u talbitu jirrevoka u jħassar l-approvazzjoni tal-permess PA/06443/17, għal żvilupp f’Wied Għomor liema permess ser iwassal biex binja dilapidata tiġi mibdula f’farmhouse bil-pool ġo wied sensittiv, li jinsab barra miz-zona tal-iżvilupp, u huwa skedat bħala żona ta’ Importanza Ekoloġika u Sit ta’ Importanza Xjentifika.

L-ERA sostniet li l-permess approvat mhux konformi mal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp u jmur kontra r-Rural Policy and Design Guidance tal-2014. Meta wieħed iqabbel il-proposta tal-iżvilupp kif approvata mal-binja li hemm preżentament fuq is-sit, huwa ċar li l-volum tal-bini ser ikun intensifikat b’mod sostanzjali u ma jirrispettax il-kuntest tal-wied.

L-ERA kompliet tgħid li temmen li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar tmur kontra in-North Harbours Local Plan (NHLP), liema pjan jenfasizza l-pressjonijiet li hemm fuq il-kampanja u jidentifika l-pressjoni li hemm fuq il-Wied għall-iżvilupp. "Dan il-pjan jirrikjedi strateġija dettaljata tal-immaniġġjar fit-tul tal-wied u li jistipola li żviluppi jew attivitajiet li jippreġudikaw il-protezzjoni jew il-konservazzjoni tal-wied m’għandhomx jiġu permessi. Dan l-iżvilupp ser joħloq preċedent f’żona li bħalissa sservi ta’ buffer zone fl-iktar parti dejqa tal-wied bejn żewġ żoni urbani, bl-introduzzjoni ta’ żvilupp urban bl-iswimming pool u l-hard landscaping li preżentament hija art pristina."

Fl-appell tagħha, l-ERA argumentat li l-Kummissjoni approvat il-permess in kwistjoni mingħajr konsiderazzjoni xierqa tal-pjanijiet, tal-policies u tar-rappreżentazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet imressqa minnha, minn konsulenti esterni u mill-NGOs. Żiedet targumenta li l-mod kif il-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha huwa inkwetanti ferm, meta tagħti deċiżjoni mhix motivata u li tmur kontra dak rakommandat mill-Case Officer li jkun studja l-applikazzjoni b’mod ħolistiku, u tinjora lill-konsulent esterni li għandhom l-expertise tagħhom fl-oqsma rispettivi u lill-Għaqdiet Non Governattivi li għandhom il-polz tan-nies.

More in Politika