‘Irridu nbiddlu l-bsaten fir-roti f’opportunità’ - Adrian Delia

Adrian Delia jisħaq li wara li jintemm il-proċess ta' riforma min se jibqa' jagħmel il-ħsara lill-PN mhux se jifdallu post fil-Partit

Ġimgħa biss qabel Adrian Delia jaffaċċja l-akbar test tiegħu f’Kunsill Ġenerali Straordinarju, il-Kap Nazzjonalista ma darx mal-lewża u insista li wara dan il-proċess delikat, jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa biex il-Partit jissaħħaħ.

Adrian Delia qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista fejn insista li wara li jintemm dan il-proċess ta’ riforma, kull persuna se tkun mistiedna li taħdem, iżda kien skjett meta saħaq li “min se jibqa’ jagħmel il-ħsara lill-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun fadallu post fil-Partit.”

Il-Kap Nazzjonalista insista li bħalissa qed jiltaqa’ mal-Kunsilliera kollha tal-Partit Nazzjonalista li fi kliemu, uħud minnhom ilhom diċennji Kunsilliera u qatt ma rifsu fl-uffiċċju tal-Kap.

Waqt li tkellem dwar it-tħassib ta’ uħud minnhom, Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jgħaddi minn dan kollu. Fi kliemu, kieku l-Partit Nazzjonalista baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn kien qed ikun iraqqi l-pannu bil-qargħa aħmar.

Kien hawn li Delia insista li l-mod kif sar dan il-proċess forsi ma kienx l-aktar wieħed ideali, iżda insista li l-Partit Nazzjonalista jrid ibiddel “il-bsaten fir-roti, f’opportunità.”

Insista li marru għandu nies jibku, jistaqsu x’se jsir mill-Partit Nazzjonalista.

“Irridu ngħaddu minn ġon-nar biex noħorġu aktar b’saħħitna,” qal Delia waqt li saħaq li fiduċjuż li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iqum fuq saqajh.

Tkellem dwar il-firem miġbura mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Fi kliemu din turi partit ħaj u demokrazija ħajja, fejn it-tesserati joħorġu fit-toroq biex jiddefendu l-għażla tagħhom.

'Ipparteċipaw, tħallux lill-oħrajn joħdulkom ir-riedni minn idejkom'

Il-Kap Nazzjonalista rrefera għar-riforma li qed jaħdem fuqha Louis Galea, iżda insista li din ir-riforma mhux persuna waħda trid tagħmilha, iżda n-nies.

“Tridu li l-Kap jibqgħu jagħżluh il-ħafna, jew inkella l-ftit?”, staqsa Delia. “Ipparteċipaw, tħallux lill-oħrajn joħdulkom ir-riedni minn idejkom.”

Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista insista li ħadd ma jista’ jistenna li kulħadd fil-Partit jaqbel fuq kollox. Fi kliemu, dak hu s-sabiħ tal-Partit Nazzjonalista. Iżda saħaq li wara kollox, kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jrid ikun magħqud fl-ispirtu u f’dak li jemmnu fih.

“Irridu li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu u jippreżenta lilu nnifsu fl-elezzjoni li ġejja? Jew irridu l-Partit Nazzjonalista kif inhu?” staqsa Delia.

Tkellem ukoll dwar diversi punti li r-riforma tal-Partit Nazzjonalista trid tħares lejhom, fosthom il-proprjetajiet li għandu l-Partit.

“Kif jista’ jkun li l-proprjetà tal-PN biss mhux qed trendi flus?” staqsa l-Kap Nazzjonalista waqt li insista li l-Partit ma jistax jibqa’ jkabbar id-dejn u jħallih lil ta’ warajh.

Tul l-intervista, il-Kap Nazzjonalista tkellem fuq diversi kwistjonijiet nazzjonali, fejn fost oħrajn reġa’ semma’ l-bżonn li f’Malta jkun hawn sistema ta’ trasport tal-massa. Qal li l-PN diġà qed jaħdem fuq din il-proposta biex ikun f’pożizzjoni li jippreżentaha.

More in Politika