Casa jagħżel id-delegazzjoni tal-Peniżola Għarbija biex jaħdem fuq il-kumpanija 17 Black

Casa ġie kkonfermat biex jifforma parti minn din id-delagazzjoni wara talba li għamel hu stess

L-Ewroparlamentari David Casa għażel li jkun parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija u għamel dan biex ikun jista’ jkompli l-ħidma tiegħu fuq il-kumpanija 17 Black.

Dan intqal fi stqarrija mibgħuta mid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.

F’reazzjoni għal dan l-irwol ġdid, Casa insista li l-Unjoni Ewropea trid toħloq koperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi bħall-Emirati Għarab Magħquda.

“Jeżistu każi fejn il-koperazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej dwar korruzzjoni internazzjonali u ħasil ta’ flus ma ħadmitx. Dan għandu jinbidel. L-UAE għandu jkun aktar viġilanti biex jassigura li s-sistema finanzjarja tiegħu ma tintużax għall-kriminalità, u li meta jkun ovvju li dan ikun seħħ, jittieħdu miżuri biex titwettaq il-ġustizzja,” insista Casa.

Kien hawn li saħaq li għażel li jkun f’din id-delegazzjoni biex jaħdem fuq il-kumpanija 17 Black.

Casa se jkun qed jifforma wkoll parti mill-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, fejn se jkompli l-ħidma tiegħu fil-protezzjoni tal-ġurnalisti. Casa mar Istanbul fejn iltaqa’ mal-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker li kienet qed tiffaċċja akkużi wara r-rappurtaġġ fattwali dwar il-Paradise Papers. L-akkużi kontra Ünker issa twaqqgħu.

X'inhi l-kumpanija 17 Black? Agħfas hawn.

More in Politika