Xorob, saq sa Ħal Far u spara madwar 10 darbiet lejn immigranti

Tkompli tinstema' x-xhieda kontra Francesco Fenech u Lorin Scicluna fil-każ tal-qtil ta' immigrant f'Birżebbuġa

Meta kien qed jixhed fil-każ kontra Francesco Fenech ta' 21 sena u Lorin Scicluna ta' 22 sena, li qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleyman, Dylan German qal illi Scicluna kien irrakkontalu x'kien ġara dakinhar. German huwa l-kuġin ta' Francesco Fenech.

Huwa xehed kif Scicluna kien qallu illi darba wara x-xogħol f'pastizzerija ħa drink, mar id-dar u baqa' jixrob. Huwa kien qal lil German li kien xorob ħafna, qabel imbagħad qabad il-pistola u saq sa Ħal Far. Hemmhekk hu spara xi tmien jew 10 darbiet lejn diversi persuni suwed li kienu fil-post. 

Ix-xhud qal illi meta għamel kuntatt ma' kuġinuh, dan ċaħad li kellu x'jaqsam mal-qtil, infaqa' jibki u ħalef li kien involut biss f'inċident ieħor fejn hu u Lorin kienu taw daqqa ta' sieq lil rota ta' immigrant. Scicluna kien qal lil German li kien rema' l-munizzjon fil-baħar f'Delimara u li kien biddel il-pjanċi tal-karozza qabel il-qtil li seħħ nhar is-6 ta' April. 

Mhux jien, mhux jien sparajtlu! Lorin Scicluna

Dylan German qal illi kien mistoqsi biex jikkonfronta lil Franesco mill-pulizija waqt l-interrogazzjoni. "Kont imfixkel, ma kontx naf lil min se naqbad nemmen," sostna x-xhud li insista illi kuġinuh dejjem ċaħad l-involviment. Hu qal illi t-tnejn li huma trabbew flimkien u kuġinuh qatt ma kien wera xi sinjali ta' razziżmu.

Meta sema' l-aħbar, German kien issuspetta involviment u bagħat lil Francesco messaġġ biex ma jagħmilhiex ma' kumpanija ħażina. Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud, ix-xhud qal illi s-suspett qam mid-deskrizzjoni tal-karozza, simili għal dik ta' Lorin. 

Fil-kontro eżami, l-avukat Franco Debono li qed jidher għal Lorin, staqsa għalfejn iktar kmieni kien qal li l-klijent tiegħu huwa 'Nażist' meta ma jiftakarx eżatt x'qal u l-post fejn qalha. German wieġeb li l-akkużat kellmu wiċċ imb' wiċċ u uża kliem ħażin meta rrefera għall-immigranti. 

Filwaqt li jibqa' jsostni illi kuġinuh dejjem innega xi forma ta' kompliċità f'dan il-qtil, qal illi Scicluna implika lil kuġinuh wara li qallu dwar il-qtil għax kien qed jibza' li se jmur għand il-pulizija. 

F'daqqa waħda, xħin kien qed ikun ippressat minn Debono dwar il-preżenza ta' Francesco meta kienet qed tiġi rrakkontata l-istorja kif ġrat, ix-xhud qal li nesa' biċċa mill-istorja, jiġifieri li kuġinuh kien fil-pastizzerija, qabel ma' Scicluna mar id-dar minn fejn imbagħad telaq lejn Ħal Far. F'dan il-punt il-Maġistrat wissieh li jekk jinqbad jigdeb se jispiċċa arrestat. 

Min qallu x'ġara? Lorin jew Francesco?

Għal xi ħin il-Qorti ffukat fuq jekk Lorin Scicluna kiexn waħdu max-xhud meta ntqalet l-istorja ta' x'ġara f'Ħal Far jew jekk kienx hemm preżenti wkoll Francesco Fenech. Dan għaliex jirriżulta li mal-pulizija kien qal li Francesco kien qall x'ġara.

Imma German jinsisti li l-verżjoni l-korretta hija dik li qed jgħid taħt il-ħalfa, jiġifieri li Scicluna qallu kollox. "Meta kont għidt li Francesco qalli kollox kont taħt xokk. Ridt nitfa' l-pressjoni fuqu għax ma kontx naf min qed jgħid il-verità." 

'Mhux jien, mhux jien sparajt ... Francesco spara'

L-istorja kompliet tikkomplika ruħha hekk kif membru tal-korp, surġent, li akkumpanja lil Lorin fi tliet postijiet fejn dan l-akkużat qal illi silef din il-karozza lil raġel Libjan, tela' jixhed. 

Scicluna saħaq li mhux hu kien spara u meta ppressat infaqa' jibki u qal 'mhux jien, mhux jien sparajtlu." Meta l-uffiċjal tal-Pulzija kien staqsieh min kien allura li spara u taħt pressjoni, Lorin saħaq illi kien Francesco u qal illi issa "sieħbi se jispiċċa il-ħabs."

Intant Gianella De Marco li qed tidher għal Fenech tistaqsi lis-surġent jekk Scicluna qattx semma' lil Fenech bħala l-persuna li sparat, fil-preżenza tal-avukat jew quddiem kamera. "Le," jwieġeb il-pulizija. 

Ara wkoll hawnhekk dwar x'ħareġ sa issa fil-Qorti dwar il-każ

More in Politika