Rapporti li nġabru biżżejjed firem biex Delia jiffaċja vot quddiem il-Kunsill Ġenerali

Ilbieraħ il-gazzetta ILLUM żvelat kif fl-aħħar jiem kienu qed isiru telefonati lil diversi kunsilliera tal-PN minn attivisti viċin deputati li jridu lil Delia jitlaq

Rapporti differenti qed jisħqu li nġabru biżżejjed firem, biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jiffaċja vot ta' sfiduċja.

Ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM ikkonfermat kif minn ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kienu ilhom għaddejjin it-tentattivi biex jinġabru l-150 firma li hemm bżonn biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali. Minkejja li sa issa ma kien hemm l-ebda stqarrija uffiċjali, jidher li fl-aħħar sigħat, il-150 firma nġabru.

Il-gazzetta ILLUM hija infurmata li fl-aħħar jiem kienu qed isiru telefonati lil diversi kunsilliera tal-PN minn attivisti, ħafna minnhom viċin deputati li jridu lil Delia jitlaq.

Dawk li tkellmu magħna qalu illi fost l-aktar attivi hemm persuni qrib Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami. Dawn huma l-istess deputati li kienu wara firem fil-Grupp Parlamentari biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.  

Wieħed mill-Kunsilliera li tkellem mal-ILLUM fuq kundizzjoni ta’ anonimità sostna illi l-persuna li kellmitu fuq it-telefon saħansitra sostniet miegħu li hemm nies li lesti jieħdu t-tmun minflok Delia. Issemmew Roberta Metsola u Claudio Grech.

Fil-fatt kienet il-gazzetta ILLUM stess li ftit qabel l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew żvelat kif Roberta Metsola hija l-aktar persuna li qed tkun imbuttata minflok Delia għal bosta raġunijiet. L-ewwel nett għax hija pjuttost b’saħħitha fil-partit u t-tieni għax hija mara u allura l-PN ikollu ċ-ċans li jikteb l-istorja qabel il-Partit Laburista u jeleġġi l-ewwel Kap mara fl-istorja politika. Metsola qed tkun imbuttata l-aktar mil-liberali u dawk li huma meqjusin bħala ‘ta’ Simon.’ Mal-ILLUM Metsola kienet qalet li dawn huma “spekulazzjonijiet” u “fake” news.

Claudio Grech huwa ħafna iktar kawt fil-partit u l-appoġġ lejh inqas magħruf għalkemm il-fatt li qatt ma kien ikkunsidrat favur jew kontra naħa u l-fatt li dejjem baqa’ kawt u baqa’ lura milli jippronunzja ruħu fuq kwistjonijiet interni tista’ tgħin ħafna liċ-ċansijiet tiegħu.

L-għajta għar-riżenja ta’ Delia qabdet iktar wara t-telfa enormi li sofra l-PN fl-elezzjoni b’distakk ta’ 42,656 vot favur il-Partit Laburista. Jidher illi issa l-pressjoni fil-Grupp Parlamentari qed tikber sew b’ħafna mill-grupp irid lil Delia jitlaq mill-kariga.

Minkejja dan, s’issa l-ebda deputat għadu ma ressaq vot ta’ sfiduċja f’Delia jew inkella sostna pubblikament li jrid lil Delia jirreżenja.

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta The Sunday Times ippubblikat lista li tinkorpora fiha l-Grupp Parlamentari kollu u qalet illi huma tnejn biss mid-Deputati kollha Nazzjonalisti li jridu lil Delia jibqa’; Carm Mifsud Bonnici u Edwin Vassallo.  

Kristy Debono tgħid li ħadd għadu ma kellimha

Intant, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono, saħqet li ħadd għadu ma kellimha u għadha ma rċeviet l-ebda ittra biex tlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.

Bħala President tal-Kunsill Ġenerali, it-talba trid issir lilha u mbagħad f'idejha biex tlaqqa' l-Kunsill Ġenerali jekk issir talba għal vot ta' fiduċja jew sfiduċja f'Adrian Delia.

F'kummenti mal-MaltaToday, Debono saħqet li sa issa għadha ma rċeviet l-ebda petizzjoni u ħadd għadu ma kellimha.

Mistoqsija x'jiġri f'każ li tirċievi l-petizzjoni b'aktar minn 150 firma, Debono spjegat li jkollha ġimgħa ċans biex tlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.

More in Politika