Tkaxkira u barra! Preparati biex jimbuttaw lil Metsola u lil Claudio f'każ ta' telfa 40,000+

  • Delia determinat li jibqa', imma daqstant determinati dawk li jirdu jqaċċtuh f'każ ta' tkaxkira
  • Roberta Metsola imbuttata l-aktar mill-liberali u Claudio Grech mill-konservattivi
  • Beppe Fenech Adami u Bernard Grech, m'għandhomx appoġġ qawwi s'issa

Delia u dawk li qed jimbuttaw minfloku persuni fil-PN
Delia u dawk li qed jimbuttaw minfloku persuni fil-PN

Erba’ sorsi differenti, inkluż deputati u persuni li jokkupaw karigi diversi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, sostnew mal-gazzetta ILLUM illi jekk il-PN jitlef bil-kbir f’Mejju, b’telfa li tkun tirrifletti s-sondaġġi, huma se jkunu qed jagħmlu pressjoni kbira biex Adrian Delia jitneħħa, “akkost ta’ kollox”.

Anke jekk kelliem tal-PN baqa’ jsostni li jiġri x’jiġri Delia se jżomm postu, mal-ILLUM l-erba’ sorsi differenti lkoll sostnew illi diġà qed ikunu imbuttati xi nies għall-post ta’ Kap, kemm-il darba l-PN jitlef bil-qawwi, kif s’issa jidher li se jiġri.

L-aktar persuna li qed tkun imbuttata, fil-fatt dan kien ikkonfermat minn kull persuna li tkellmet mal-gazzetta ILLUM, hija l-MEP Roberta Metsola. Huwa mifhum li din għandha appoġġ qawwi minn dawk in-nies kollha li jagħtu appoġġ lil Simon Busuttil, minn dawk li ma tantx jaraw għajn m’għajn ma’ Delia u allura b’mod speċjali dawk li huma iktar liberali fil-partit. Minkejja li din l-imbuttatura hija ċara għal dawk kollha li kellmet din il-gazzetta kelliem għal Metsola qal li dan huwa ‘fake news’.

Qed jissemma wkoll Claudio Grech, għalkemm b’ħafna inqas forza u qed jissemmew ukoll għalkemm bi ftit saħħa Beppe Fenech Adami u Bernard Grech. Fenech Adami għandu s-segwaċi tiegħu iżda hemm ċans li jappoġġja kandidat ieħor (Grech jew Metsola) minflok joħroġ hu, filwaqt li Grech għalkemm promettenti għandu problema kbira kontrih; m’għandux esperjenza fl-istrutturi tal-partit bħalma kien Delia.

L-ILLUM kellmet lil dawn kollha biex tieħu l-angolu tagħhom dwar dawn ix-xnigħat, f’xi każi persistenti. Ilkoll żammew lura u la qalu iva u lanqas le, għalkemm l-aktar b’saħħitha ħarġet Metsola, b’persuna viċin ħafna tagħha saħansitra jgħid li dawn l-istejjer huma imbuttati minn nies li jridulha d-deni, anke jekk fil-fatt uħud mis-sorsi fil-fatt qed jimbuttaw lilha!

Kunsillier li tkellem ma’ din il-gazzetta saħansitra saħaq li Roberta Metsola, apparti l-visti fid-djar bħala parti mill-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qed ikollha diversi laqgħat mat-tesserati, filwaqt li fl-aħħar ġimgħat sa tellgħat numru ta’ attivisti, li dejjem dehru ma’ Delia, fi Brussell. F'Brussell kien hemm Ċensu l-Iswed, għalkemm persuna qrib Metsola qal li dan ma ttellax hemm minn Metsola..

Votanti Nazzjonalisti, li ma tantx jagħmlu sigriet il-fatt li huma Nazzjonalisti, qed ixxerrdu l-kelma għal vot, bil-preferenza tkun lil Metsola, imbagħad lil Casa, imbagħad jew xejn jew lill-Partit Demokratiku.

Roberta Metsola l-aktar favorita…

Deputat li tkellem ma’ din il-gazzetta kompla jispjega li anke t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jafu li Roberta Metsola hija b’saħħitha ħafna u qed jagħmlu l-kalkoli tagħhom.

“Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kważi kważi kienet il-wiċċ tal-kampanja. Din is-sena mhux qed ipoġġu lilha fuq quddiem. It-tmexxija tal-partit mhux qed jimbuttawha,” kompla jgħidilna, waqt li insista li ż-żewġ Ewroparlamentari li se jtella’ l-Partit Nazzjonalista (għax jinsab irrassenjat li mhux se jtella’ iżjed) se jkunu messaġġ, jew għat-tmexxija jew inkella għal dawk li mhux jappoġjawha.

aġuni oħra għalfejn Roberta Metsola qed tkun imbuttata ’l quddiem biex tieħu post Adrian Delia, u li kienet ikkonfermata minn aktar minn sorsi wieħed, huwa l-fatt li hija mara u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jista’ jkollu l-opportunità li jkun hu li jikteb l-istorja u jeleġġi l-ewwel kap mara, qabel il-possibbilità li l-Ewroparlamentari Miriam Dalli tieħu post il-Prim Ministru Joseph Muscat bħala mexxej Laburista wara li dan jirriżenja.

Intant, din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Ewroparlamentari u staqsietha jekk hux minnu li ħafna qed jimbuttawha biex tieħu post Adrian Delia, iżda fi kliemha, “ir-rapporti dwar il-Partit Nazzjonalista huma spekulazzjoni u fake news” u li fi kliemha huma intiżi biex jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq kwistjonijiet importanti.

“L-unika vacancy ta’ leadership hi fil-Partit Laburista… Jiena kif għamilt fl-aħħar ħames snin iffukata u qed nagħti l-enerġija kollha tiegħi għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna bħala Membru tal-Parlament Ewropew,” saħqet Metsola. “Kif għamilt qed inkompli bil-laqgħat fid-djar, fin-negozji u postijiet tax-xogħol u niltaqa’ man-nies.”

Persuna viċin Metsola marret oltre minn hekk u saħqet mal-ILLUM li min qed jimbotta ’l quddiem dawn it-tip ta’ stejjer għandu intenzjonijiet malinni u jrid jagħmel biss ħsara, fi żmien li Roberta Metsola, fis-sondaġġi, fosthom dak ippubblikat bħal-lum ġimgħa fuq il-MaltaToday, qed tidher bħala l-aktar kandidata popolari tal-Partit Nazzjonalista.

“Kieku din ġrat xaharejn ilu kont ngħidlek li veru. Imma ġimgħa wara li sondaġġ wera li Roberta qed tissaħħaħ, kollox jindika li hemm min irid jagħmel il-ħsara,” kompliet tgħidilna din il-persuna.

Claudio Grech… b’saħħtu fost il-fazzjoni konservattiva tal-PN

Apparti Metsola, Claudio Grech, li fl-aħħar xhur żamm bilanċjat u qatt ma ħareġ ħafna favur jew ħafna kontra Adrian Delia, huwa wkoll il-favorit ta’ bosta esponenti fil-Partit Nazzjonalista, partikolarment dawk li jiffurmaw parti mill-fazzjoni konservattiva tal-Partit.

Claudio Grech kien diġà meqjus bħala favorit biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li rreżenja l-eks Kap Simon Busuttil. “Dak iż-żmien Grech ikkunsidra l-fatt li l-partit kien fadallu x’jinżel qabel jerġa’ jibda tiela’,” qalilna Deputat u sors tal-ILLUM.

Madanakollu, il-fatt li Grech huwa meqjus bħala politiku konservattiv jitfgħu lura mal-fazzjoni akbar liberali tal-Partit Nazzjonalista, komplew jispjegawlna s-sorsi.

Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ Claudio Grech u staqsietu jekk hux minnu li fil-Partit Nazzjonalista hemm min jixtiequ kap u jekk ikunx lest jikkunsidra l-pożizzjoni f’każ li jkun hemm pożizzjoni għall-kariga tal-Kap. Huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista ma għandux bżonn spekulazzjoni dwar it-tmexxija tiegħu.

“Fiċ-ċirkostanzi, personalment inħoss li l-impenn tagħna jrid ikun wieħed f’direzzjoni komuni biex il-Partit Nazzjonalista jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet ta’ Mejju,” insista Grech. “Pajjiżna għandu bżonn MEPs kompetenti li jkunu vuċi b’saħħitha fil-Parlament Ewropew.

Bernard Grech: ‘issagrifikawh għax rawh jissaħħaħ’

L-istess sorsi semmewlna wkoll lill-Avukat Bernard Grech, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien wieħed mill-uċuħ tal-kampanja elettorali ta’ dik li kienet il-Forza Nazzjonali.

Minkejja dan, sorsi differenti, fosthom anke mill-Grupp Parlamentari, saħqu li l-fatt li Grech ġej minn barra ma tantx qiegħed jgħinu. “Diġà ppruvajna lil xi ħadd minn barra u ma nistgħux nagħmlu l-istess żball,” qalilna wieħed mis-sorsi.

Deputat Nazzjonalista saħansitra qalilna li Bernard Grech kien kważi ċert li se jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iżda saħaq li bħalma ġara fil-każ ta’ Metsola, meta rawh li qiegħed jissaħħaħ, it-tmexxija qatgħetu ftit ftit, anke minn fuq il-midja tal-Partit.

“Bdew jaqtagħulu saqajh għax rawh li qiegħed jikber u meta raw dan ma baqgħux jiġru warajh biex joħroġ għall-elezzjoni. Lil Bernard issagrifikawh għax għamlu l-kalkoli ta’ x’jista’ jiġri wara Mejju,” kompla jgħidilna dan id-deputat.

Din il-gazzetta għamlet ukoll kuntatt mal-Avukat Grech li min-naħa tiegħu saħaq li l-mistoqsijiet dwar jekk dan hux minnu, għandhom isiru lill-Partit Nazzjonalista.

Insista magħna li huwa jkun lest jikkummenta biss jekk is-sorsi tagħna jiddikjaraw dak li qed jgħidu pubblikament.

“Wara nagħti l-kummenti tiegħi. Jekk nikkummenta qabel inkun qed nikkummenta fuq diċeriji,” qalilna Grech. “Jiena nibqa’ interessat fil-politika u lest li nagħti l-kontribut tiegħi kull fejn ikun hemm bżonn.

Fenech Adami: kif wieġeb lill-ILLUM?

Anke jekk forsi huwa l-inqas wieħed li qiegħed jissemma, sorsi qalulna li Beppe Fenech Adami jikkunsidra li jitfa’ ismu jekk jew meta jkun hemm il-kariga għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista miftuħa.

Madanakollu, l-istess sorsi qalu li jista’ jagħti l-każ li wara kollox Fenech Adami ma jikkontestax għal din il-kariga u jappoġġja lid-Deputat Claudio Grech f’każ ta’ tellieqa bejnu u bejn Metsola. Qalulna wkoll li Fenech Adami kapaċi jappoġġja lil Metsola wkoll jekk din ma tkunx qed tikkontesta kontra Grech.

Kif għamlet mal-persuni l-oħra kollha li qed jissemmew, din il-gazzetta għamlet ukoll kuntatt ma’ Beppe Fenech Adami li insista: “lanqas biss qed nikkunsidraha.”

Iżda mistoqsi x’jagħmel f’każ li jkun hemm elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Fenech Adami wieġeb li fil-politika ċ-ċirkostanzi jinbidlu u għaldaqstant, fi kliemu, la tista’ tgħid iva u lanqas le.

‘Jekk id-distakk jiżdied se jqumu l-irwiefen’

Iżda l-mistoqsija tibqa’ waħda? Adrian Delia se jżomm kelmtu u jibqa’ kap, anke jekk jitlef bi kbir?

Minkejja li kif żvelat il-gazzetta ILLUM diversi drabi, ilhom għaddejjin tentattivi biex Adrian Delia jitneħħa, il-Kap Nazzjonalista ma għandux l-intenzjoni jirriżenja.

Tant hu hekk, li fl-10 ta’ Marzu, din il-gazzetta żvelat kif il-miri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għax-xahar id-dieħel mhumiex li jnaqqas id-distakk iżda li jikseb 100,000 vot, jiġifieri 36,000 vot inqas mill-elezzjoni ġenerali tal-2017 u bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ voti daqs l-aħħar elezzjoni tal-MEPs. Dan ifisser distakk ta’ madwar 50,000 vot.

Madanakollu, deputat li tkellem mal-ILLUM kien skjett u saħaq li mhux imbilli jrid Delia.

“Ir-riżultat tal-elezzjoni jbiddel ħafna affarijiet. Jekk Delia jirnexxilu jnaqqas id-distakk bin-nofs ikun mexxej b’saħħtu u jkollu ċans isir Prim Ministru. Jekk nibqgħu fejn aħna jew jikber id-distakk, jibdew l-irwiefen internament. Jinbidlu ħafna alleanzi,” saħaq dan id-Deputat. “Huwa minnu li se jkun hemm min se jistenna r-riżultat biex jaraw x’ċaqliq se jkun hemm.”

Iżda l-istess Deputat mar oltre minn hekk u saħansitra saħaq li Delia mhux biss ma għandux l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari “tant li jibża’ jlaqqgħu,” talli fi kliemu, anke persuni li ħadmu biex tela’ qed jaraw “kif se jsalvaw ġildhom” wara Mejju.

Għamel referenza wkoll għall-kwistjoni dwar il-laqgħa ta’ Hermann Schiavone u Kristy Debono ma’ Yorgen Fenech (sid tal-kumpanija 17 Black), u li fi kliemu, ħalla effett u rabja kbira fost ħafna fil-Partit Nazzjonalista.

“Ħafna mhux jagħmlu bħal Jason Azzopardi u mhux jitkellmu fil-pubbliku biex wara l-elezzjoni ma jkunx hemm min jipponta subgħajh lejhom,” saħaq dan id-deputat.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia, bħalissa taħt pressjoni kbira
Il-Kap tal-PN Adrian Delia, bħalissa taħt pressjoni kbira

‘Għadu kmieni wisq…ħafna għadhom ma ddeċidewx’

Deputat ieħor Nazzjonalista li kellmet l-ILLUM kien aktar kawt u saħaq li għadu kmieni wisq biex wieħed ibassar x’se jkun ir-riżultat, anke għax skont l-aħħar sondaġġ ippubblikat fuq il-MaltaToday, 17.3% għadhom ma jafux kif se jivvutaw.

“Tinsiex li f’din l-elezzjoni l-kandidati jilagħbu parti importanti. Jista’ jkollok nies li ma jridux lil Delia iżda jivvutaw lil David Casa għax jemmnu ħafna fil-governanza tajba,” qalilna dan id-deputat.

Kompla jisħaq li filwaqt li f’Diċembru kien qed jisma’ ħafna fil-Partit Nazzjonalista li ma ridux lil Delia u xtaqu jqaċċtuh, saħaq li issa mhux qed iħoss l-istess sentiment.

“Jiena qed nara lid-deputati kollha jattendu għall-attivitajiet tal-partit. Meta ħafna kienu qabżu għal Simon Busuttil meta ħareġ ir-rapport dwar l-Egrant, kienu qed iħossuhom maqtugħa. Issa reġgħu qed jattendu,” kompla jisħaq.

‘Mhux lesti jiffirmaw fuq karta li taqsam il-partit’

Mistoqsi dwar il-possibbilità li wara l-elezzjoni ta’ Mejju, jekk il-Partit Nazzjonalista jmur ħażin, Adrian Delia jitqaċċat minn kap, dan id-deputat fakkar li hemm żewġ possibbilitajiet.

L-ewwel possibbilità hija li jittieħed vot ta’ sfiduċja kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Grupp Parlamentari kollu tal-Oppożizzjoni u li jinkludi wkoll liż-żewġ kandidati tal-Partit Demokratiku. Jekk ikun hemm maġġoranza sempliċi, dawn imorru għand il-President tar-Repubblika li jitlob biex jintgħażel Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

Iżda kieku dan kellu jseħħ, iwassal biex Adrian Delia, għalkemm ma jibqax Kap tal-Oppożizzjoni, jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Għall-kuntrarju ta’ dak li insista d-Deputat l-ieħor, dan il-Membru Parlamentari qal li ma jaħsibx li Adrian Delia jitlef vot ta’ sfiduċja fil-Grupp Parlamentari, waqt li fakkar f’dak li kien żvela s-sit illum.com.mt, jiġifieri li numru ta’ deputati kienu bdew jiġbru l-firem biex imorru għand il-President.

“Kieku meta ġabru l-firem kien hemm maġġoranza, naħseb kienu jmorru għand il-President. Tgergir ikun hemm, iżda mhux kulħadd lest ipoġġi ismu fuq karta li tista’ taqsam il-partit. Ħafna ma jaslux jagħmluha,” kompla jgħidilna.

It-tieni għażla, hija li jittieħed vot ta’ sfiduċja fil-Kap fil-Kunsill Ġenerali. Dan jista’ jsir kemm fil-Kunsill biss, jew inkella jibda b’vot ta’ sfiduċja fl-Eżekuttiv tal-Partit u li mbagħad jgħaddi quddiem il-Kunsill Ġenerali, fejn Adrian Delia jgawdi appoġġ.

 

More in Politika