'Id-distanza ta’ żewġ piedi u nofs mill-appoġġi mhux dejjem tkun biżżejjed'

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA jisħaq li l-liġi biex ma jsirx skavar f’distanza ta’ inqas minn tliet kwarti ta’ metru minn ħajt diviżorju għandha sservi biss bħala gwida

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Mark Gauci saħaq li l-liġi biex ma jsirx skavar f’distanza ta’ inqas minn tliet kwarti ta’ metru minn ħajt diviżorju, għandha sservi biss bħala gwida għax hemm ċirkostanzi fejn lanqas din id-distanza ma tkun biżżejjed.

Wara l-aħħar inċidenti li raw ħitan u saħansitra blokok sħaħ jiġġarrfu biswit siti ta’ kostruzzjoni, Gauci fakkar kif skont il-liġi, meta qed isir xogħol ta’ skavar, il-kuntrattur jew min qed jagħmel ix-xogħlijiet, irid iżomm distanza ta’ żewġ piedi u nofs mill-ħajt diviżorju (l-appoġġ).

“Dan mhuwiex obbligu. Il-liġi qed tgħidha ċara u tonda,” saħaq Gauci.

Gauci spjega kif għalkemm il-liġi tirreferi għal żewġ piedi u nofs, dawn jistgħu jfissru ħames piedi għax jekk l-iskavar qed isir bejn żewġ binjiet, il-kuntrattur irid iżomm id-distanza fuq iż-żewġ naħat.

“Din toffri ċertu serħan tal-moħħ fir-rigward tas-solidità tal-istruttura,” saħaq Gauci.

Madanakollu, kompla jisħaq li l-OHSA dejjem tinsisti li din il-liġi għandha sservi biss bħala linja gwida, għax fi kliemu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn iż-żewġ piedi u nofs ma jkunux biżżejjed.

“Allura jkun hemm bżonn li jittieħdu miżuri addizzjonali, fosthom li jsir sapport alternattiv,” spjega Gauci.

‘In-nuqqas ta’ deterrent huwa l-akbar problema’

Dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, partikolarment fil-qasam tal-kostruzzjoni, iżda mhux biss, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA saħaq li waħda mill-akbar problemi li jeżistu hija n-nuqqas ta’ deterrent.

Tkellem b’mod partikolari dwar il-Liġi għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li tistabbilixxi pieni, għal min jinstab ħati, li jvarjaw minn €466 sa €11,000 u anke piena ta’ sitt xhur ħabs.

“Mela jkollok persuna li għax aġixxa b’negliġenza jinstab ħati ta’ inċident, anke mwiet u jeħillek multa ta’ €4,000, imbagħad jerġa’ jappellaha,” ilmenta Gauci.

Kien għalhekk li saħaq li l-element ta’ deterrent ma jeżistix u dan minkejja li l-liġi, apparti l-minimu, tistabbilixxi wkoll il-massimu.

“Dik hija waħda mill-isfidi l-kbar li jeħtieġ li jkunu indirizzati,” insista l-Kap Eżekuttiv.

Iżda l-OHSA dejjem tkun tista’ tinforza?

Gauci spjega kif jeżisti aktar minn qafas legali wieħed u li kollha jħarsu lejn ċirkostanzi, sitwazzjonijiet u ħtiġijiet differenti u li allura jsejħu entitajiet differenti.

Kompla jispjega kif minkejja li jkun hemm diversi entitajiet li jħarsu lejn dawn iċ-ċirkostanzi u ħtiġijiet differenti, ħafna drabi jkun hemm sitwazzjoni fejn ikun hemm interess komuni.

“Jekk għandek sitwazzjoni fejn qed tipperikola lil xi ħadd għax għandek struttura mhix sigura, ovvjament qed tpoġġi lill-ħaddiema f’ċertu periklu u għalhekk l-OHSA jkollha interess,” qal Gauci.

Mark Gauci
Mark Gauci

Madanakollu spjega kif f’każ bħal dan, l-OHSA ma tkunx tista’ tinforza għax il-qafas legali jkun isejjaħ entità oħra.

Insista li din mhijiex sitwazzjoni li teżisti Malta biss. Semma fost oħrajn l-Ingilterra fejn il-Health and Safety Executive jħares biss lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-Italja fejn għandek żewġ entitajiet, waħda li tħares is-saħħa u l-oħra s-sigurtà tal-ħaddiema.

Minkejja dan, ma jfissirx li ma jkunx hemm kollaborazzjoni. Fost oħrajn fakkar kif wara kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-OHSA daħlu fis-seħħ provedimenti biex qabel jinħareġ permess ta’ żvilupp, l-iżvilupattur jassigura standards marbuta mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

‘Is-settur tal-kostruzzjoni huwa wieħed mill-aktar irregolati’

Waqt li kompla jitkellem dwar is-settur tal-kostruzzjoni, Gauci insista li dan mhuwiex l-uniku wieħed assoċjat ma’ perikli.

“Hemm ħafna attivitajiet ekonomiċi oħra li huma assoċjati ma’ periklu jew riskji daqstant kbar jew akbar,” saħaq Gauci. “B’differenza minn setturi oħra, dak tal-kostruzzjoni huwa viżibbli u għalhekk ħafna nies jaħsbu li mhux irregolat.”

Għall-kuntrarju ta’ dan, Mark Gauci insista li s-settur tal-kostruzzjoni huwa wieħed mill-aktar setturi rregolati, anke fejn jidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

More in Politika