Fi tliet snin l-istudenti kollha tal-primarja u s-sekondarja se jmorru l-iskola bit-tracksuit

L-għażla, kemm tal-istudenti tal-ġenituri u anke tal-għalliema kienet favur tracksuit komda u ta’ kwalità

Wara l-konsultazzjoni pubblika fuq l-uniformi tal-iskola, l-għażla, kemm tal-istudenti tal-ġenituri u anke tal-għalliema kienet favur tracksuit komda u ta’ kwalità, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega kif id-disinn tat-tracksuit il-ġdida għall-primarja u għas-sekondarja (inkluż tal-medja) ser ikollhom xi dettalji li jvarjaw fid-disinn tagħhom.

Kull kulleġġ tal-Istat se jkollu dettalji u skemi ta’ kulur partikolari biex jibqa’ jkollhom identità li tidentifika lill-kulleġġ tagħhom.

Wara li jkunu finalizzati d-disinni l-ġodda u d-dettalji tal-materjal, jinbeda l-proċess tal-għażla tal-fornitur.

Sabiex jingħażel il-fornitur tal-uniformijiet, il-Ministeru se jkun qed jippubblika request for proposals biex ikun jista’ jingħażel l-offerent li jonora l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitlubin bl-aħjar offerta finanzjarja.

“Nemmnu fil-kapaċitajiet tal-istudenti tagħna u għalhekk id-disinn u l-ispeċifikazzonijiet tal-uniformi ġew fdati f’idejn l-istudenti tal-MCAST taħt id-direzzjoni u l-assistenza tal-letturi tagħhom. Dan l-eżerċizzju għaddej bħalissa u mistenni jkun finalizzat matul dan is-sajf,” saħaq il-Ministeru.

Minn meta l-istudenti jistgħu jmorru bit-tracksuit?

• Sena Skolastika 2019/2020

Ser tinżamm l-uniformi preżenti, waqt li l-ġenituri ser ikunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom bit-tracksuit, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.

• Sena Skolastika 2020/2021

It-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa se tkun qed tidħol fil-Kindergarten 1, Year 1, Year 7 u Year 9 mis-sena skolastika 2020-2021.

• Sena Skolastika 2021/2022

Kull student jattendi l-iskola bit-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa.

Kif wieġbu l-istudenti, l-għalliem u l-ġenituri?

  • 85% tal-istudenti mill-primarja li ħadu sehem f’focus groups marru għall-għażla ta’ uniformi li tkun tracksuit komda u ta’ kwalità.
  • 91% tal-istudenti mill-iskejjel medji u sekondarji taw l-għażliet tagħhom favur it-tracksuit permezz ta’ survey online.

Il-konsultazzjoni mal-ġenituri u mal-edukaturi saret permezz ta’ survey online.

  • 89% tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat huma favur it-tracksuit bħala uniformi.
  • 77% ta’ edukaturi li huma wkoll ġenituri għażlu t-tracksuit bħala uniformi.
  • 56% tal-edukaturi li pparteċipaw fis-survey huma wkoll favur it-tracksuit bħala uniformi.

More in Politika