'Il-fiduċja tagħna issa tliftuha wkoll' - In-Nazzjonalisti Mostin lit-tmexxija u d-Deputati

F'ittra pjuttost iebsa, il-Kumitat Sezzjonali tal-PN fil-Mosta jappella lit-tmexxija biex tkun onesta u lid-Deputati biex jiġbdu l-istess ħabel wara kull tmexxija

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Mosta bagħat ittra bi kliem iebes lis-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli li fiha qed jappella lil kulħadd fil-Partit biex jerfa' r-responsabbilità.

"Il-fiduċja tagħna issa tliftuha wkoll," tisħaq l-ittra ffirmata minn Norvin Spiteri, President tal-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista Mosti.

Fost oħrajn, il-Kumitat ikkundanna l-fatt li fi kliemu ħadd mit-tmexxija ma kien onest u qal x'inhi r-realtà tal-fatti wara t-telfiet elettorali kbar li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.

Ikkritikaw dik li sejħu bħala stqarrija "xokkanti" tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli meta qal li l-PN naqqas id-distakk li kienu qed juru s-sondaġġi.

"Dan qajjem rabja kbira fost il-partitarji u b'mod dirett, qalb l-elettorat," saħqet l-ittra. "Dan mhux il-mod kif għandu jimxi 'l quddiem il-Partit. Il-Partit għandu jara għalxiex żdied id-distakk u mhux isib l-iskużi. It-tmexxija għandha tkun responsabbli tal-azzjonijiet tagħha u tagħti spjegazzjoni tal-fatti.

Ikkritikaw ukoll il-fatt li Kristy Debono kellha laqgħa ma' Jurgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, "u dan qisu xejn mhu xejn."

Saħqu li kienu qed jistennew li hi tieħu r-responsabbililità u mhux titfa' lill-Partit f'dawl ikrah. "Kif nistgħu nkunu kredibbli?" tistaqsi l-ittra.

Komplew ifakkru wkoll fil-każ li wkoll iddeskrivew bħala "xokkanti" tal-co-option għas-siġġu li ħalla David Stellini.

Apparti dan kollu, il-Kumitat Sezzjonali tal-Mosta appella wkoll lid-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista biex jiġbdu ħabel wieħed wara kull tmexxija u jkunu responsabbli tal-messaġġi tagħhom fuq il-midja soċjali.

More in Politika