Il-Pulizija tarresta tlett irġiel minn grupp kriminali li qiegħed jimporta d-droga f'Malta

Fir-rejd tagħha l-Pulizija tikkonfiska erba' kilogrammi ta' droga, €70,000 fi flus kontanti u żewġ arloġġi b'valur ta' €24,000

Id-droga maqbuda illum
Id-droga maqbuda illum

Tlett irġiel ta' nazzjonalita Ingliża u Malti mwieled l-Ingilterra ġew arrestati mill-Pulizija mill-Iskwadra ta' kontra d-Droga.

Fil-vettura ta’ wieħed mill-Ingliżi, li huwa residenti n-Naxxar, instabu diversi pakketti li kien fihom il-pjanta x’aktarx tal-kannabis lesta għat-traffikar li tammonta għal 2 kilogrammi. Tfittxijiet ulterjuri li saru fir-residenza tiegħu, irriżultaw fis-sejba ta’ diversi pakketti oħra tal-plastik li fihom kien hemm trab abjad, ukoll f’ammont ta’ 2 kilogrammi.

Minn eżamijiet preliminari li saru s’issa, mill-espert nominat mill-Maġistrat Inkwirenti tal-Għassa Galea Sciberras irriżulta li dan jista’ jkun tip ta’ materjal li jitħallat mad-droga kokaina sabiex it-traffikant iżid il-volum tal-istess sustanza u b’hekk ikun qed iżid ukoll il-gwadan finanzjarju mill-bejgħ tal-istess mediċina perikoluża.

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tal-Ingliż, li joqgħod l-Imsida, fejn ma nstabet l-ebda droga iżda nstabu madwar €70,000 fi flus kontanti u żewġ arloġġi li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €24,000, fost affarijiet oħra.

Huwa mifhum li dawn il-persuni huma kollha parti minn grupp kriminali organizzat li jimporta d-droga kokaina u kannabis lejn il-gżejjer Maltin għall-finijiet ta’ traffikar fuq skala sostanzjali.

It-tlett irġiel ser jitressqu taħt arrest il-Qorti, bejn illum u għada, akkużati bl-assoċjazzjoni fit-traffikar u l-pussess aggravat ta’ mediċini perikolużi u possibbilment b’akkużi dwar ħasil ta’ flus.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Politika