'Sospiżi b'mod immedjat il-permessi ta’ twaqqigħ u skavar' - Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jħabbar li l-iskavar u twaqqigħ se jkun sospiż

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Waqt laqgħa ta' emerġenza mal-partijiet interessati kollha fis-settur tal-Kostruzzjoni, il-Prim Ministru Muscat għadu kif ħabbar li b'mod immedjat kull permess ta' twaqqigħ jew skavar f'siti tal-kostruzzjoni se jkun sospiż.

Dalgħodu dar fi Gwardmangia spiċċat bid-dar tagħha mġarrfa wara li waqa’ l-ħajt komuni li kien jagħti għal sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Luqa.

Dan huwa t-tielet inċident marbut mal-kostruzzjoni hekk kif fl-aħħar xahrejn iġġarrfu żewġ blokok ta’ appartamenti fi Gwardamanġa u l-Mellieħa kawża tax-xogħlijiet li kienu qed isiru.

F’kummenti li ta lil midja ftit wara li intemmet il-laqgħa ta’ dalgħodu l-PM Muscat spjega li l-Gvern se jkun qiegħed  ibiddel b’mod drastiku diversi regolamenti fis-settur tal-bini u kostruzzjoni.

Fost dawn b’dawn l-emendi, perit jew site manager għandu jkun preżenti fuq is-sit meta tkun se ttieħdet deċiżjoni importanti. “Il-Gvern ma jistax joqgħod Pulizija mal-pajjiż kollu, għandna professjonisti li aħna nirrispetawhom. Din mhix kwistjoni li tiffirma karta iżda li tħares fuq dak li qiegħed jitwettaq.

Il-Prim Ministru żied jgħid li bidla oħra se tkun f’dak li għandu x’jaqsam mal-istħarriġ ġeoloġiku hekk kif sal-lum il-ġurnata dan kien biss rikjest mill-awtoritajiet meta l-iskavar jinżel aktar minn tliet metri. “Se nkunu qiegħdin nipproponi li dawn it-tip ta’ studju jsiru f’kull każ. L-istudji qiegħdin hemmhekk biex tinġarr ir-responsabbiltà mhux biex nżidu l-karti. Dan huwa l-unika mod kif il-ħmar ma jwaħħalx f’denbu. B’dan il-mod nistgħu mmexxu l-affarijiet il-quddiem. F’każ ta’ ħafna mill-proġetti dan huwa proċeduri standard,” saħaq Muscat.

Apparti minn dawn, il-PM żvela li se jkun hemm bidla drastika fil-penali marbuta mal-ksur ta’ dawn ir-regolament, b’uħud minn dawn jitilgħu minn €500 għal €10,000 u minn €1,000 għal €50,000.”

More in Politika