Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'L-MFA trid tinbidel' ... Chris Bonett iħabbar li se jikkontesta għall-President tal-MFA

"Wasal iż-żmien li flimkien niftħu fl-istorja tal-football Malti, l-MFA trid tinbidel u ssir aktar moderna' jisħaq Bonett

Liam Carter / 11 ta' Ġunju 2019 18:10
L-avukat Chirs Bonett
L-avukat Chris Bonett għadu kemm ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ta’ President tal-MFA.

Fil-passat Bonett okkupa l-kariga ta' Viċi President tal-MFA kif ukoll mexxa l-ġlieda tal-UEFA kontra t-tixħim fl-irwol tiegħu bħala Uffiċjal għall-Integrità.

“Se nkun qed naqsam magħkom proposti u pjan fit-tul sabiex jinbidel dak li huwa neċessarju u l-klabbs ikunu tabilħaqq fuq nett.Bħal ma dejjem għamilt se nagħmel l-almu kollu tiegħi biex din il-ħolma tagħna ssir realtà u għalhekk wara li kkonsultajt mal-membri kollha tal-familja tal-football Malti ħadt id-deċiżjoni li kelli nieħu u qiegħed inħabbar li fl-20 ta’ Lulju li ġej se nkun kandidat għall-Presidenza tal-MFA,” żvela Bonett.

L-avukat stqarr li fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jaqsam il-proposti tiegħu u tat-tim tiegħu għall-futur tal-football Malti, fejn se jkun imniedi pjan fit-tul li għandu jwassal biex bil-ħidma tiegħu, flimkien ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-football, isiru l-bidliet neċessarji li għandu bżonn il-football Malti sabiex il-klabbs, verament ikunu fuq nett.

“Wasal iż-żmien li flimkien niftħu fl-istorja tal-football Malti, żmien li fih l-MFA trid tinbidel u ssir football association moderna, imexxija bl-aktar mod trasparenti u tħaddan prinċipji kummerċjali. Żmien li fih it-tfal tagħna jingħataw l-opportunità li jaspiraw li l-football jippratikawh bħala professjoni full-time u jwettqu l-ħolma tagħhom li jkollhom karriera glorjuza. Żmien li fih it-tim Nazzjonali jagħtina l-gost li b’mod regolari ngħajtu ‘gowl’. Żmien li fih il-klabbs tagħna jingħataw l-għodda kollha neċessarja sabiex ikollhom organizazzjoni professjonali, jagħtuna kampjonati mill-isbaħ u jirbħu fl-Ewropa”, temm jgħid Chris Bonett.

 

 

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook