Intervista | 'Mhux se naċċetta li l-Kunsill Lokali tal-Belt ma jkunx ikkonsultat’

Il-preżentatur Alfred Zammit sar l-ewwel Sindku Laburista tal-Belt Valletta. X'inhuma l-prijoritajiet tiegħu? X'jaħseb fuq dak li sar fil-Belt Valletta u lest jitlaq Kalamita biex ikun Sindku full-time?

Alfred Zammit magħruf l-aktar bħala preżentatur iżda issa wkoll is-Sindku tal-Belt Valletta. Fl-ewwel intervista tiegħu bħala Sindku, Alfred Zammit jisħaq mal-gazzetta ILLUM li l-uffiċċju tiegħu jixtieq li jkun Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti fejn jiltaqa’ man-nies, waqt li wera x-xewqa li jaħdem id f’id mal-Kunsilliera kollha, inkluż dawk Nazzjonalisti.

Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Zammit fil-Kapitali, il-Belt li fiha trabba u li fiha għadu jgħix u tkellmet miegħu dwar il-viżjoni li għandu għall-Belt Valletta u x’se jkunu l-prijoritajiet tiegħu meta fl-1 ta’ Lulju jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-ewwel Sindku Laburista tal-Beltin.

Bdejna billi staqsejna lil Alfred Zammit x’wasslu biex jerġa’ joħroġ għall-Kunsill Lokali tal-Belt u jekk għamilx dan għax kien jaf li l-Partit Laburista kien se jirbaħ u allura kellu ċans akbar isir Sindku. Fil-fatt Zammit, fil-bidu tal-Kunsilli Lokali kien joħroġ bħala kandidat indipendenti u kien għamel għaxar snin kunsillier tal-Belt.

“Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ġrew warajja biex noħroġ għall-Kunsill Lokali. Ma tantx domt naħsibha, l-ewwel nett b’rispett lejn il-Prim Ministru u x-xogħol li qed iwettaq u t-tieni għax jiena l-Belt Valletta nħobbha,” insista s-Sindku l-ġdid tal-Kapitali.

Minnufih saħaq li hu kien lest jaħdem mal-Partit Nazzjonalista anke kieku l-Partit Laburista ma rebaħx il-maġġoranza u kien hawn li appella lill-Kunsilliera Nazzjonalisti, li fi kliemu huma kollha ħbieb tiegħu, biex issa jinsew l-aħmar u l-blu u jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Beltin.

Raġuni oħra, għalfejn aċċetta mill-ewwel, hija l-bidla li seħħet fil-Belt. Fakkar kif sa ftit tas-snin ilu, il-Kapitali kienet torqod mas-sebgħa ta’ filgħaxija mentri llum hija mimlija attivitajiet.

“Il-Gvern Laburista ta d-dinjità lill-Belt Valletta u dik in-nies apprezzawha,” saħaq Zammit.

‘Ma rridux Paceville… irridu divertiment li jixraq lill-Belt’

Kien hawn li tkellimna dwar id-divertiment fil-Belt Valletta u kif huma ħafna, anke koppji żgħażagħ, li qed jagħżlu l-Belt Valletta bħala l-ħarġa tagħhom.

‘Dik hija l-Belt Valletta li rridu. Ma rridux li l-Belt issir Paceville. Mhux għax Paceville huwa ħażin. Imma rridu divertiment li jixraq lill-Belt Valletta,” insista s-Sindku l-ġdid.

Staqsejnieh fuq dak li kien stqarr magħna l-eks Sindku tal-Belt, il-Professur Alexiei Dingli, jiġifieri li ma jaqbilx li stabbilimenti ta’ divertiment għandhom jinfirxu fiż-żoni residenzjali tal-Belt Valletta biex ma jinħoloqx inkonvenjent lir-residenti.

X’jaħseb Zammit u l-fatt li huwa sid ta’ żewġ ristoranti fil-Belt Valletta ma jaħsibx li jista’ jkollu xi ftit ta’ kunflitt ta’ interess?

Is-Sindku l-ġdid huwa ftit xettiku dwar li wieħed jillimita fejn jistgħu jinfetħu stabbilimenti bħal ristoranti u barijiet, anke għax kull żona fil-Belt Valletta hija żona residenzjali.

“Hemm ir-regolamenti u kulħadd jimxi magħhom. Ma jfissirx li għax għandek ristorant se tagħmel li trid,” insista s-Sindku.

‘Irrid li Evans Building issir lukanda ta’ ħames stilel…’

Fakkarna wkoll li jekk wieħed imur lura fis-snin, il-mekka tad-divertiment fil-Belt kienet Strada Stretta, minn fuq nett sad-Diju Balli u bħal-lum din it-triq mimlija residenti, l-istess kif inhi Triq Nofsinhar, Triq Merkanti u l-inħawi ta’ Bieb il-Belt.

Mhux l-uffiċċju l-kbir l-importanti…Jiena l-uffiċċju tiegħi se jkun Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti

“Anzi jiena l-ħolma tiegħi, u diġà tkellimt mal-Ministru għat-Turiżmu, hija li Evans Building issir lukanda ta’ ħames stilel. Irrid ngħolli l-livell tan-naħa t’isfel tal-Belt. Għalfejn ir-residenti ta’ dik in-naħa ma għandux ikollhom fejn jieħdu kafè jew imorru jieklu?” staqsa Zammit. “Anke l-valur tal-proprjetà tan-nies se jogħla.”

Kien hawn li s-Sindku l-ġdid stqarr b’ċertezza li r-residenti Beltin iridu Belt Kapitali ħajja kif inhi llum.

“Importanti li ninfurzaw il-liġi biex ir-residenti ma jbatux,” kompla jisħaq Zammit. “Nappella lis-sidien tar-ristoranti biex jaħdmu magħna u jikkoperaw magħna għax aħna rridu aktar ristoranti u aktar barijiet jiftħu fil-Belt Valletta.”

‘Irridu nifhmu li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali’

Insista li wieħed ma jista’ qatt jinsa li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali.

“Irridu nifhmu li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali. Dan mhux raħal żgħir u kwiet. Il-brand Valletta huwa kważi kważi aktar b’saħħtu mat-turisti mill-brand Malta. Belti vera ma jridx Belt mejta. Għandu jkun hemm rispett lejn ir-residenti iżda min jiġi jgħix il-Belt irid jifhem li din hija l-Belt Kapitali,” saħaq is-Sindku.

Fakkar ukoll li ħafna mir-ristoranti u l-istabbilimenti fil-Belt Valletta jimpjegaw residenti Beltin u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, ir-residenti qed igawdu wkoll.

'Kien hemm Nazzjonalisti li vvutaw lili’

Tkellimna wkoll dwar ir-rebħa storika tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta. Zammit diġà qal li l-Beltin apprezzaw dak li wettaq Gvern Laburista fil-Belt Valletta, iżda l-eks Sindku Christian Micallef insista li l-Partit Nazzjonalista tilef il-Belt Valletta għax in-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw.

“Kien hemm Nazzjonalisti li vvutaw lili,” saħaq Zammit. “Jista’ jkun li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista affettwat, iżda l-Beltin raw id-differenza. Ma tistax tagħmel analiżi hekk. Jien naf Laburisti li ma vvutawx.”

Il-kandidati u l-kunsilliera Laburisti kienu kkritikati minn dawk Nazzjonalisti li bejniethom huma mifrudin. Dan vera? Jista’ jaħdem il-Kunsill?

‘Irrid nagħti l-appoġġ tiegħi, anke lill-Kunsilliera Nazzjonalisti’

Alfred Zammit qal li filwaqt li dan kien wieħed mill-argumenti tul il-kampanja, insista li bejn il-kunsilliera kollha Laburisti hemm l-għaqda.

Saħaq li kemm il-Viċi Sindku u anke l-kunsilliera Laburisti kollha, għalkemm fi kliemu kulħadd għandu l-karattru tiegħu, jinsabu warajh u mhu se jkollu l-ebda tfixkil mill-ebda kunsillier Laburist.

“Nista’ mmexxi bl-appoġġ tal-kunsilliera tagħna. Iżda jien irrid li jkun hemm is-sehem tal-kunsilliera Nazzjonalisti wkoll,” saħaq Zammit. “Jiena rrid nagħti l-appoġġ tiegħi, anke lill-Kunsilliera Nazzjonalisti biex jaħdmu magħna.”

Fil-fatt huwa faħħar ix-xogħol li wettaq l-eks Sindku Alexiei Dingli u anke Christian Micallef, għax fi kliemu fl-aħħar xhur ipprova jwettaq l-impossibbli u insista li hu se jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar.

Mal-ILLUM wera wkoll ix-xewqa li jlaqqa’ flimkien l-eks Sindki tal-Kapitali Hector Bruno, Paul Borg Olivier u Alexiei Dingli (Micallef għadu Kunsillier), għax fi kliemu, għandu bżonn l-għajnuna tagħhom ukoll.

Berġa medika fil-Belt Valletta… prijorità għas-Sindku l-ġdid

Mill-1 ta’ Lulju Alfred Zammit se jkollu f’idu dan il-Kunsill Lokali. X’se jkunu l-ewwel prijoritajiet u proġetti tiegħu?

Zammit tenna li hu jrid jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar, iżda jrid ukoll ibiddel ċertu affarijiet, fosthom dik li sejħilha bħala l-apatija tal-Beltin lejn il-Kunsill Lokali.

Il-binja tal-Kunsill Lokali rridha tkun id-dar naturali tal-Beltin kollha. “Laburist jew Nazzjonalist se tiġi u se tħossok milqugħ. Se ngħinu lill-familji kollha,” insista Zammit.

Is-seba’ kunsilliera kollha kemm aħna ġejna eletti mill-poplu, mela aħna rridu niġu kkonsultati

L-ewwel proġett li Alfred Zammit jixtieq li jwettaq fil-Belt Valletta hija li ssir berġa medika fil-Belt Valletta.

“Din se tkun prijorità. Diġà bdejt naħdem fuqha minkejja li uffiċjalment għadni ma sirtx Sindku,” saħaq Zammit. “Il-Beltin ħassew ħafna n-nuqqas ta’ Deo Debattista bħala tabib. Irrid berġa fejn ipoġġi tabib u għal affarijiet żgħar, il-Beltin ma jkollhomx għalfejn imorru l-Furjana.”

Mistoqsi fejn se tkun qed issir din il-berġa, Zammit qal li qiegħed iħares lejn parti fil-binja tal-Kunsill Lokali stess li tista’ tidħol għalija minn Triq it-Teatru l-Antik.

“Minn din il-berġa jistgħu jibbenefikaw ukoll it-turisti u anke l-Maltin li jkunu l-Belt u jkollhom bżonn jaraw tabib malajr,” qal Zammit waqt li spjega li dwar dan diġà tkellem mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Soup Kitchen għall-persuni foqra mhux biss Beltin

Zammit qal ukoll li Kunsill Lokali mmexxi minnu se jkun qed jaħdem id f’id mal-Patrijiet Franġiskani Minuri (Ta’ Ġieżu) biex jitwettaq il-proġett ta’ Soup Kitchen, fejn persuni Beltin u oħrajn li ma jkunux jifilħu jixtru l-ikel, ikollhom platt sħun kuljum

“Għal dan il-proġett biss se nkunu qed ninvestu €303,000,” qal is-Sindku l-ġdid.

Il-Kunsill se jkompli jaħdem ukoll fuq proġett ta’ pavimentar u anke biex jitranġaw il-bankini madwar il-Belt Valletta.

Ġaladarba tkellimna fuq il-pavimentar u żoni pedonali, ma stajniex ma nitkellmux ma’ Alfred Zammit dwar il-problema tal-parkeġġ fil-Belt Valletta. X’se jagħmel kunsill lokali mmexxi minnu?

Proġett pilota ta’ sensors għall-parkeġġi

Is-Sindku qal li prijorità oħra għall-Kunsill Lokali mmexxi minnu se tkun l-installazzjoni ta’ parking sensors madwar il-Belt Valletta, bl-għan li residenti Beltin u oħrajn li jżuru l-Kapitali, permezz ta’ App fuq il-mowbajl, ikunu jistgħu jiċċekkjaw fejn hemm parkeġġ liberu.

Fakkar li dwar dan il-proġett kien diġà nħareġ tender li spiċċa l-Qorti, iżda insista li Kunsill Lokali mmexxi minnu se jkun qed joħroġ tender ġdid biex isir dan il-proġett pilota li se jkun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Iżda jibqa’ l-fatt li dan il-proġett mhux se jżid il-parkeġġ fil-Belt Valletta.

“Il-Belt hija dik li hi. Ma nistgħux inwessgħu u mmorru fil-baħar. In-nies trid tifhimha,” qal Zammit.

Madanakollu qal ukoll li għandu riservi fuq l-ammont ta’ parkeġġi riservati għall-Gvern. “Naħseb li hemm numru esaġerat. Sinċerament nistgħu nikkontrollawhom aktar,” qal Zammit.

Kompla jitkellem magħna dwar il-proġett tas-sensors għall-parkeġġ u saħaq li dan se jnaqqas ukoll l-għadd ta’ sewwieqa jduru u jagħqdu mal-Belt biex isibu parkeġġ u allura se jnaqqas ukoll l-emmissjonijiet.

‘Il-Belt hawn ħafna emmissjonijiet. Din tinkwetani ħafna. Tfisser ħsara għas-saħħa tar-residenti. It-toroq tal-Belt huma dojoq. Karozzi u trakkijiet iduru fihom. Anke l-problema tat-trakkijiet u l-vannijiet li jidħlu l-Belt irridu nindirizzaw,” saħaq is-Sindku.

Qal ukoll li l-Kunsill se jkun qed jgħin lis-Sur Maurizio Lapira biex fil-Belt ikun hemm ukoll ċentru għaż-żgħażagħ fejn tingħata assistenza soċjali u anke għajnuna lit-tfal biex jagħmlu x-xogħol tal-iskola.

U l-gwardjani lokali għandhom jiġu f’idejn il-Kunsill?

Mistoqsi jekk il-gwardjani lokali għandhomx jiġu lura f’idejn il-Kunsill, biex il-multi li jingħataw lil dawk li jabbużaw mill-parkeġġ tar-residenti jmur għand il-Kunsill, Zammit wieġeb li hu ma jaqbilx li jsir qligħ miċ-ċitazzjonijiet iżda jemmen aktar fl-edukazzjoni.

“Trid tinforza l-liġi, imma l-ewwel irridu nedukaw … irridu ngħarrfu aktar lin-nies fejn u kif jistgħu jipparkjaw il-Belt. Ma hawnx biżżejjed tabelli,” qal Zammit.

Semma wkoll l-aspett kulturali u kien hawn li wera x-xewqa li jaħdem mal-għaqdiet kollha tal-Belt, inkluż mal-għaqdiet tal-festi.

Tkellem b’mod partikolari dwar il-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt Valletta, okkażjoni li hija għal qalbu. Ħabbar li se jkun qed jiltaqa’ mal-Presidenti taż-żewġ baned Beltin bl-għan li f’Ħamis ix-Xirka, waqt li għaddejjin il-visti u b’rispett lejn l-aspett reliġjuż, itellgħu flimkien kunċert ta’ mużika sagra.

‘Hemm bżonn aktar fondi speċjali għall-Belt Valletta’

Semmejna ħafna proġetti li Zammit jixtieq li l-Kunsill iwettaq, iżda hemm biżżejjed fondi?

Is-Sindku l-ġdid ma tantx dar mal-lewża.  Saħaq li l-Prim Ministru, waqt l-attività politika ta’ bħal-lum ġimgħa tefa’ ħafna piż fuq spallejn il-Kunsill Lokali tal-Belt. Iżda biex jitwettaq dak kollu li hemm ippjanat, Zammit insista li l-Kunsill Lokali Belti jeħtieġ li jingħata aktar fondi speċjali.

‘Mhux se naċċetta li l-Kunsill Lokali ma jkunx ikkonsultat’

Tkellimna wkoll dwar il-kritika li kienet issir mill-Kunsill Lokali Belti mmexxi minn Amministrazzjoni Nazzjonalista li fil-Belt isiru ħafna affarijiet mingħajr konsultazzjoni, partikolarmant mill-Fondazzjoni Valletta 2018 li llum saret l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Hawnhekk, Alfred Zammit kien skjett ukoll.

“Mhux se nkun qed naċċetta, f’isem ir-residenti, li l-Kunsill Lokali tal-Belt ma jkunx ikkonsultat mhux biss mill-Aġenzija iżda minn kull entità tal-Gvern. Dan mhuwiex Kunsill Lokali. Dan huwa Gvern Lokali,” insista s-Sindku.

Nappella lis-sidien tar-ristoranti biex jaħdmu magħna u jikkoperaw magħna għax aħna rridu aktar ristoranti u aktar barijiet jiftħu fil-Belt Valletta

Waqt li kompla jitkellem b’mod aktar dirett dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Alfred Zammit fakkar li anke l-Prim Ministru stess appella biex l-istess Aġenzija taħdem mal-Kunsill Lokali u mhux il-Kunsill Lokali jaħdem mal-Aġenzija tal-Kultura.

“Irridu ngħollu l-livell tas-Sindakat. Mhux biex nitkessaħ jiena. Is-seba’ kunsilliera kollha kemm aħna ġejna eletti mill-poplu, mela aħna rridu niġu kkonsultati,” insista s-Sindku. “Jiena u sħabi mhux se naċċettaw li ma nkunux ikkonsultati. It-tmexxija tal-Belt hija f’idejn il-Gvern Lokali.”

‘L-uffiċċju tiegħi se jkun Triq ir-Repubblika’

Fl-aħħar nett, ma stajniex ma nistaqsux lis-Sindku l-ġdid dwar il-possibbilità li s-Sindki jkunu full-time. Alfred Zammit ikun lest li jħalli kollox warajh, inkluż il-midja, biex ikun Sindku biss u daqshekk?

“Fuq dan l-argument tlift ħafna voti għax min ried jagħmilli l-ħsara użah għall-vantaġġ tiegħu,” saħaq Zammit.

Insista li hu jemmen ħafna fix-xogħol ta’ tim. Spjega kif  għandu tim ta’ nies li jaħdem fuq Kalamita, għandu tim ta’ nies jaħdmu u jmexxu r-ristoranti tiegħu u jrid li jkollu tim b’saħħtu wkoll fil-Kunsill Lokali.

“Ma nixtieqx inħalli l-midja għax dik hija parti minn ħajti. Anzi bil-midja nemmen li nistgħu ngħinu lill-Beltin. Qed naħseb dwar rokna li jkun jisimha: ċempel lis-sindku,” qal Zammit.

Fakkar li hu għandu vantaġġ kbir li jgħix il-Belt u għalkemm imur Kalamita kuljum, jidħol il-Belt kuljum.

“In-nies se jsibuni hemm. Mhux l-uffiċċju l-kbir l-importanti… Jiena l-uffiċċju tiegħi se jkun Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti,” temm jisħaq is-Sindku.

More in Politika